Friday, February 6, 2026

L-UŻU AKTAR SIGUR TAT-TEKNOLOĠIJA

Aqra wkoll

Il-Jum għal Internet aktar Sigur se jkun iċċelebrat dan ix-xahar f’diversi pajjiżi tad-dinja. Dan il-jum internazzjonali għandu l-għan li mhux biss ikabbar u jżid l-għarfien iżda wkoll li jintensifika l-ħtieġa u l-importanza tal-użu responsabbli u sikur tat-teknoloġija primarjament fost it-tfal u ż-żgħażagħ kullimkien.

Magħdud ma’ dan, sikwit nisimgħu u nassistu wkoll għal kampanji oħra differenti għal dan il-għan speċifiku. Madankollu, waqt li nirrikonoxxu l-benefiċċji u l-vantaġġi li ġġib magħha t-teknoloġija, ma rridux ninsew jew anki naljenaw rasna mir-riskji li qed jinħolqu sforz l-avvanz mgħaġġel li qed isir f’dan il-qasam, b’mod partikolari fl-Intelliġenza Artifiċjali.

Fix-xenarju lokali, dan il-qasam tas-sigurtà r-responsabbiltà fl-użu tat-teknoloġija ukoll qed jingħata importanza sostanzjali, biex fuq kollox jiġu mħarsa dawk żgħar fl-età. Dan anke fl-isfond ta’ riżultati li ħarġu minn studju riċenti li sar fost l-istudenti, minn Misco International, li ġie kkummissjonat mill-Fondazzjoni Maltija għall-Benesseri tas-Soċjetà. 

Dan l-istudju sab li ftit aktar minn nofs l-istudenti, f’xi żmien jew ieħor, irċevew messaġġi mhux mitluba jew mhux mixtieqa online. Dan il-fatt, minnu nnifsu għandu jqanqal tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tat-tfal f’dan l-ambitu diġitali. Aktar agħar kien li wħud mir-riskji li l-istudenti ta’ bejn is-7 u s-16-il sena rrapportaw li affaċċjaw online kienu theddid, bullying, messaġġi ta’ mibegħda u messaġġ sesswali fost oħrajn. 

F’dan ir-rigward, li nqajmu kuxjenza nazzjonali hi kruċjali u m’hemmx kwistjoni dwarha. Iżda daqstant ieħor huwa importanti li jkomplu jittieħdu aktar inizjattivi u jiġu mħeġġa miżuri – l-iktar minn dawk li jfasslu l-politika nazzjonali – biex it-tfal ikunu iżjed protetti meta jużaw l-internet.

Għalhekk, ma nistgħux ma napplawdux il-fatt li l-awtoritajiet diġà indikaw li se jieħdu din il-problema bl-akbar serjetà. Tant li bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika biex is-soċjetà jkollha l-opportunità tgħid tagħha wkoll f’materja daqshekk sensittiva, u biex qabel kollox jiġu evitati kemm jista’ jkun abbużi fuq uliedna permezz tal-internet.

F’dan kollu m’aħniex se nkunu qed nivvintaw ir-rota mill-ġdid. Diġà hemm pajjiżi oħra li mpenjaw ruħhom li se jmexxu f’din id-direzzjoni, partikolarment l-Awstralja li kienet l-ewwel pajjiżi li għamel dan. Aħna imma xorta waħda għandna għax inkunu kburin li qed inkunu fost l-ewwel pajjiżi li naraw x’miżuri jista’ jieħu pajjiżna biex jipproteġi lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna minn abbużi ċibernetiċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport