Friday, November 15, 2024

L-UŻU RESPONSABBLI TAL-KANNABIS VS IL-ĦIDMA FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

Hekk kif lura f’Diċembru li għadda għaddiet il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis f’Malta, bħalma jiġri ma’ kull liġi ġdida nqalgħu diversi mistoqsijiet u argumenti. Fosthom kienet dik dwar l-użu responsabbli tal-kannabis vs il-ħidma fuq il-post tax-xogħol. Xi wħud minn dawn it-tħassib huma bbażati fuq miti, oħrajn fuq osservazzjonijiet jew esperjenzi. 

Huwa suġġett kumpless iżda b’analiżi aħjar dwar ir-raġunijiet għaliex in-nies jużaw il-kannabis u metodi kif jevitaw ir-riskji fuq il-post tax-xogħol, xi wħud minn dawn il-mistoqsijiet u tħassib jistgħu jiġu eliminati.

“L-użu tal-kannabis” u “x-xogħol” jistgħu jidhru bħala opposti polari. Wieħed hawnhekk jistaqsi “kif tista’ persuna tagħmel xi ħaġa jekk tkun high?” jew “x’jiġri jekk ix-xogħol jinvolvi sewqan, tħaddim ta’ tagħmir, jekk se tieħu ħsieb it-tfal jew xi ħaġa li teħtieġ konċentrazzjoni u responsabbiltà?” “X’se jiġri minħabba s-saħħa u siġurtà għall-persuna u sħabu”. Dawn kollha huma mistoqsijiet validi.

Proprju kif qal tajjeb is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja waqt seminar li ttella’ din il-ġimgħa li ffoka fuq il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis u l-impatt tagħha fuq il-postijiet tax-xogħol, m’għandu jkun hemm l-ebda preġudizzju fuq il-ħaddiem għax ikun ikkonsma l-kannabis fid-dar tiegħu b’mod responsabbli. Iżda l-kejl li għandna nagħmlu bħal kull ħaġa oħra għandu jkun fuq l-imġiba, l-attitudni, l-għemil, il-produttività, l-effiċjenza u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Żgur li l-ebda post ta’ xogħol ma jagħmel spezzjoni biex jara jekk ħaddiem xorobx flixkun birra jew ħa tazza nbid id-dar. 

F’każ ta’ nies li jużaw il-kannabis għal raġunijiet mediċi jew terapewtiċi minħabba problemi ta’ saħħa fiżika jew mentali, bħall-kanċer jew ansjetà, li jkunu qed jirrispondu tajjeb għat-THC (kompost li jagħmel alterazzjonijiet fil-moħħ) jew CBD (kompost terapewtiku li ma jaffettwax il-konjizzjoni), jista’ jkollhom diffikultà biex jiffunzjonaw mingħajr il-kannabis.

Oħrajn li ilhom jagħmlu użu mill-kannabis fil-ħin rikreattiv tagħhom għal żmien twil, minn qabel ma ġiet legalizzata, mhux suppost li se juru l-ebda kambjament għall-agħar fuq il-post tax-xogħol, issa li ġiet legalizzata. 

Uħud minn dawn in-nies li ilhom jagħmlu użu mill-kannabis isostnu li t-THC jgħinhom ilaħħqu mal-istress jew id-dwejjaq tal-kompiti tar-rutina fuq il-post tax-xogħol, sakemm ma jkunx hemm tħassib dwar is-sigurtà. Għalihom, il-kannabis toffri lift fl-ispirtu jew bidla fil-perspettiva meħtieġa biex jagħmlu xogħol tajjeb.

Huwa importanti dejjem li l-użu tal-kannabis jinżamm għal waqt il-ħin rikreattiv u skont kif tgħid il-liġi hekk kif il-kapaċità tagħna li naħsbu b’mod ċar, nikkonċentraw u nirreaġixxu tinbidel waqt li nkunu taħt l-influwenza tat-THC. Għalhekk, il-kombinazzjoni tal-użu tal-kannabis mas-sewqan jew attivitajiet oħra li jeħtieġu attenzjoni hija ta’ tħassib serju. Aktar u aktar jekk isir użu tal-kannabis flimkien mal-alkoħol, hekk kif jistgħu jwasslu għal aktar dgħufija u żieda fir-riskji ta’ inċidenti.

Mistoqsija oħra importanti hija għandu dritt min iħaddem ikun jaf x’qed jagħmel ħaddiem id-dar u jinvadi l-privatezza tiegħu meta ma jagħmel xejn ħażin fuq il-post ta’ xogħol. Żgur li kull azzjoni li jista’ jieħu employer għandha tkun mibnija fuq suspett raġonevoli u mhux fuq il-pregudizzju lejn xi ħadd li jagħmel użu tal-Kannabis. 

Kull wieħed u waħda minna għandna nkunu responsabbli tagħna nfusna u n-nies ta’ madwarna. Kull wieħed u waħda minna għandna l-ħila niddeċiedu jekk jagħmilx sens jew le li nagħmlu użu mill-kannabis (jew drogi oħra) id-dar waqt ix-xogħol jew f’sitwazzjonijiet oħra ta’ responsabbiltà. Xi drabi, madankollu, jista’ jgħin li wieħed jirrikorri għall-għajnuna dwar l-użu aktar sigur tas-sustanzi. Għajnuna li wieħed jista’ jsib faċilment. Fil-fatt waħda mill-għanijiet tal-liġi hija l-edukazzjoni dwar l-użu responsabbli. 

Ekonomija

Sport