Thursday, December 26, 2024

“L-użu tal-kannabis m’għandux jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala reat, jew falliment morali”

Aqra wkoll

Fid-dawl tal-aħħar appell tal-għaqda ReLeaf biex ikun hemm dekriminalizazzjoni “adulta u privata ta’ numru ta’ pjanti tal-kannabis, għall-użu personali”, Inewsmalta titkellem mal-President tal-għaqda, Andrew Bonello fuq l-effetti li ħallew il-proposti legali ta’ 5 snin ilu, il-gwerra kontra d-droga… u anke l-Covid-19

Għaddew diversi snin minn meta l-Gvern ħabbar l-ewwel riformi relatati mal-użu personali tad-drogi, fil-fatt l-użu personali ta’ numru ta’ sustanzi ma baqax jitqies bħala reat denju ta’ ħabs, iżda ġie depanalizzat. Fil-kas tal-kannabis, dan ġie meqjus hekk f’każ ta’ pussess ta’ mhux aktar minn 3.5 gramma tal-pjanta kannabis. Madanakollu, f’appell ieħor lill-Gvern, l-għaqda ReLeaf Malta talbet biex jmur pass ieħor, u jiddekriminalizza l-kultivazzjoni privata ta’ numru ta’ pjanti tal-kannabis għall-użu personali.

Skont l-President tal-istess għaqda, Andrew Bonello, it-tibdil legali li sar 5 snin ilu għadu qiegħed iwassal biex “jinħalqu inġustizzji u qiegħed isir aktar ħsara milli ġid, speċjalment f’każijiet fejn il-kultivazzjoni tal-kannabis jaf tissarraf fi priġunerija. Dan qabel ma nikkunsidraw l-istress psikoloġiku u finanzjarju li kawża l-Qorti ġġorr magħha.” Bonello fakkar ukoll kif, lura fl-2017, dan it-tħassib kien ġie espress ukoll mill-Qrati Maltin, f’sentenza mogħtija mill-Magistrat Natasha Galea Sciberras.

“Il-proposti l-ġodda ta’ ReLeaf Malta huma kontinwazzjoni tal-proposti oriġinali li kienu ppreżentati lill-Gvern f’Diċembru tal-2019. Ir-riżoluzzjoni tal-lum qegħda titlob lill-Gvern biex jirrikonoxxi illi s-sitwazzjoni preżenti mhux qegħda tissalvagwardja s-saħħa ta’ min juża l-kannabis.”

“Issa huwa l-mument opportun għal din il-bidla”

Anke l-pandemija tal-Covid-19, u t-tfixkil li ġabet fuq in-negozju u l-kummerċ internazzjonali, kapaċi tħalli effett negattiv fuq il-benessere ta’ dawk li jagħmlu użu personali minn din il-pjanta. Skont Bonello, “il-pandemija tal-Covid-19 taf twassal għal tnaqqis fil-kwalita’ ta’ numru ta’ sustanzi, inkluż il-kannabis. B’hekk, tkun qiegħed tipperikola s-saħħa tal-persuna.”

“F’sitwazzjoni fejn l-importazzjoni llegali tal-kannabis taf tiġi mfixkla, u b’hekk kemm il-kwalita u l-kwantita tonqos, is-saħħa ta’ min juża l-kannabis tkun f’riskju. Jekk il-Gvern jemmen fis-sħiħ fl-importanza li jissalvagwardja s-saħħa, filwaqt li jibgħat sinjal b’saħħtu kontra l-kriminalita, issa huwa l-aktar mument opportun biex ċittadini Maltin ikunu jistgħu jkabbru numru limitat ta’ pjanti fil-privatezza ta’ djarhom.”

Bonello għamel referenza għal-kumment li l-espert tad-drogi Godwin Sammut kien ta lill-midja lokali, fejn stqarr li, minkejja li jidher li d-drogi sintentiċi naqqsu, “dejjem hemm riskju li dawn jerġgħu jidħlu fis-suq lokali.”

“ReLeaf Malta dejjem saħaq fuq l-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn kannabis sintetika u kannabis naturali u l-bżonn li konsumaturi lokali jkunu infurmati u edukati kif jgħarfu kannabis naturali minn dik sintetika. Ikun eżerċizzju interessanti jekk l-awtoritajiet joħorġu lista u ritratti ta’ drogi sintetiċi f’Malta u b’hekk ikollna stampa aktar ċara ta’ kif jidhru dawn is-sustanzi u kif wieħed iħares is-saħħa tiegħu u jevithom”

“Ma rridux kummerċjalizazzjoni: Irridu li t-tkabbir isir b’mod sostenibbli”

Intant, Bonello saħaq li l-għaqda ma tinstabx favur il-liberalizazzjoni, iżda “ir-regolamentazzjoni u l-legalizazzjoni tal-kannabis għal użu personali.” Mistoqsi fuq id-differenza bejn it-termini, Bonello saħaq li “b’liberalizzazzjoni wieħed jagħti x’jifhem suq liberu u mingħajr kontroll, forsi kif esperjenzajna bl-alkoħol u t-tabakk, qabel daħlu kontrolli u regoli li joħolqu aktar kontrol u jippromwovu s-saħħa.”

“ReLeaf dejjem propona mudelli regolatorji mibnija fuq l-importanza tal-edukazjoni u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, fosthom id-dritt għas-saħħa u għall-privatezza. Għalhekk, il-prinċipji ta’ harm reduction ma jmorrux kontra l-proposta li l-użu u l-kultivazzjoni tal-kannabis tiġi permessa għal skopijiet personali.”

Bonello saħaq li kwalunkwe qafas regolatorju li għandu jkun mniedi, irid “jiżgura li ma ssirx kummerċjaliżżazzjoni u li l-kultivaturi lokali jkollhom l-għoddod biex ikabbru l-prodott tagħhom b’mod sostenibbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u r-riżorsi lokali.”

“Il-Gwerra kontra d-droga ħolqot numru ta’ konsegwenzi mhix mixtieqa”

Matul din l-intervista, wieħed seta jinnota kif id-diskors fuq l-użu tad-droga inbidel minn wieħed ta’ gwerra, għal dak fuq drittijiet. Tkellimna ma’ Bonello fuq dan, u huwa saħaq li din il-bidla tista tintfiehem biss “meta wieħed imur lura, u jħares lejn kif ċertu drogi ġew klassifikati mill-Ġnus Maqgħuda fil-bidu tas-seklu 20 u l-irwol tal-politika internazzjonali fis-snin ta’ wara biex sustanzi bħal kannabis ġew meqjusa perikolużi. Minn nofs is-seklu l-ieħor ’il hawn, il-gwerra kontra d-droga (war on drugs) kompliet isaħħaħ dawn l-ideat u kienu bosta l-kampanji li ffokaw fuq l-persekuzzjoni ta’ min juża jew jikkultiva dawn id-drogi illegali.”

“Huma bosta d-dokumenti maħruġa mill-istess Ġnus Magħquda, fejn qed jiġi spjegat li l-gwerra kontra d-droga ħolqot numru ta’ konsegwenzi mhux mixtieqa u li qed jiksru drittijiet fundamentali oħra tal-bniedem, inkluż id-dritt għas-saħħa. Nemmnu li biex Malta tkompli timxi favur soċjetà aktar inklussiva u ġusta, wasal iż-żmien li adulti li jużaw il-kannabis għall-użu personali jkunu aktar siguri u jkollhom l-għodod neċessarji biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.”

Is-sitwazzjoni politika u legali bħalissa, skont l-istess Bonello, wasslet għal sitwazjzoni fejn “bosta kumpaniji u professjonisti qed jagħmlu profitt mill-Kannabis mediċinali, waqt li għad hawn bosta Maltin li qegħdin il-ħabs ħabba l-konsum, il-koltivazzjoni jew id-distribuzzjoni tal-kannabis u oħrajn għadhom qed jistennew il-kundanna peress li ġew misjuba fil-pussess ta’ aktar grammi milli dak preskritt mil-liġi.”

“Importanti li wieħed iħares lejn l-andament tad-diskussjonijiet riċenti fi ħdan il-Ġnus Magħquda, u t-talbiet ta’ bosta pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali (fostom l-Kunsill tad-Drittijiet Umani tal-istess Ġnus Magħquda)  biex l-użu u l-abbuż mid-drogi ma jibqax jiġi ikkunsidrat bħala reat, jew falliment morali tal-persuna, iżda bħala fenomenu personali u soċjali kumpless u li jirrikjedi metodi ġodda u politika aktar inklussiva u miftuħa. Fuq kollox, tirrikjedi politika li tagħti vuċi lil min verament huwa ċ-ċentru ta’ kollox; il-persuni li jagħmlu użu mill-kannabis.”

Ekonomija

Sport