Thursday, July 3, 2025

L-UŻU TAL-MIDJA SOĊJALI FIL-ĦAJJA TAL-LUM

Aqra wkoll

Fl-era diġitali li qed ngħixu fiha llum, il-pjattaformi tal-midja soċjali rrivoluzzjonaw il-mod ta’ kif nikkomunikaw, naqsmu l-informazzjoni ma’ xulxin u ninteraġixxu ma’ oħrajn. Il-midja soċjali saret għodda essenzjali għall-komunikazzjoni u l-ħidma effettiva ma’ persuni jew fi gruppi. 

Aktar kmieni din il-ġimgħa tfakkar il-Jum Internazzjonali ddedikat lill-midja soċjali, li jirrikonoxxi u japprezza s-sinifikat tal-użu tal-midja soċjali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dan il-jum iżda jfakkarna wkoll mhux biss dwar il-vantaġġi li toffri din l-għodda diġitali, imma wkoll dwar l-isfidi marbuta magħha. 

L-impatt li ħalliet u qiegħda tħalli l-midja soċjali fis-soċjetà tal-lum hija waħda kbira. Biss biss, fi ftit ħin tista’ faċilment tkellem persuni oħra anke jekk jinsabu f’pajjiżi oħra. Dan meta snin ilu, il-komunikazzjoni kienet ferm differenti minn dik tal-lum, mentri issa għandna aktar kumdità bl-użu ta’ mobiles, kompjuters u tablets. Nemmnu li dawn l-għodod għandhom il-vantaġġi tagħhom jekk jintużaw b’mod sew. 

B’danakollu tant saru parti integrali minn ħajjitna, li dawn it-teknoloġiji ġodda qegħdin nużawhom minn kmieni filgħodu sa filgħaxija. Min-naħa l-oħra, sfortunatament għadna naraw sitwazzjonijiet fejn dak li jkun jitfa’ xi kumment fuq il-midja soċjali bla ma jqis il-konsegwenzi u r-riperkussjonijiet li jista’ jkun hemm fuq persuni oħra.

Mingħajr ma’ nidħlu fil-mertu tal-każ li seħħ ix-xahar li għadda, fejn omm tilfet lil binha traġikament, dlonk rajna bosta kummenti u anke saru allegazzjonijiet fuq il-midja soċjali biex jipprovaw jitfgħu l-ħtija fuq xi ħadd. Dan fil-fehma tagħna m’għandux isir għaliex f’dak il-mument partikolari, il-familjari kliem ta’ faraġ u kuraġġ ikollhom bżonn.

Sadanittant, dan l-aħħar is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg semgħet ukoll minn fomm iż-żgħażagħ stess l-impatt li l-mezzi tal-midja soċjali qiegħed ikollu f’ħajjithom u l-aspettattivi tagħhom dwar kif bil-midja soċjali jistgħu jkunu aktar parteċipattivi. Minn din il-laqgħa ħarġet ċara li hemm varjazzjonijiet kbar u sinifikanti fuq kif etajiet differenti dawn il-mezzi tekonoloġiċi. 

Issa d-diskussjoni qiegħda tqum ukoll fost il-ġenituri dwar kontrolli li hemm bżonn biex il-midja soċjali ma tkunx ta’ ħsara speċjalment għat-tfal. Għalhekk inħarsu ’l quddiem għal aktar diskussjoni f’dan ir-rigward li kif qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg trid issir b’galbu kbir u mingħajr ma tkun ta’ xkiel għal-libertà tal-espressjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport