Sunday, December 22, 2024

L-UŻU TAR-ROBOTIKA FIL-QASAM TAS-SAĦĦA

Aqra wkoll

Minn jum għall-ieħor qegħdin jittieħdu numru ta’ inizjattivi sabiex is-servizz tas-saħħa jibqa’ prijorità assoluta u jkun tal-ogħla livell. Għalkemm ħafna drabi dawn l-inizjattivi ma jingħatawx daqstant prominenza fil-midja, xorta waħda qegħdin hemm u jiffurmaw parti minn pjan wieħed li għandu l-Gvern għal dan il-qasam.

Pjan li l-viżjoni aħħarija tiegħu hi dik li s-servizz tal-kura tas-saħħa jibqa’ mingħajr ħlas għal kulħadd u saħansitra jkun ta’ livelli ta’ eċċellenza li jħabbatha mal-aqwa servizzi tas-saħħa fid-dinja. Biex ikun żgurat li dan jintlaħaq hemm bżonn ta’ aktar investiment fir-riżorsi umani u anke f’dik li hija infrastruttura medika.

Proprju ftit tal-jiem ilu ġie mħabbar li ntlaħaq ftehim mal-unjin tal-infermiera u l-qwiebel li se jwassal għal titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol għal dawn il-ħaddiema. Dan qiegħed isir ukoll bl-intiża li aktar żgħażagħ jidħlu f’dawn il-karrieri u b’hekk is-servizz ikompli jikber u jespandi.

Għalhekk kien ta’ sodisfazzjon ninnutaw dan l-aħħar l-għadd ta’ infermiera żgħażagħ li ddaħħlu jaħdmu f’Mater Dei wara li temmew b’suċċess l-istudji tagħhom.

Kumplimentari għal dan kollu, u sabiex tkun ta’ għajnuna lill-professjonisti tal-Isptar Mater Dei, bdiet tintuża s-sistema avvanzata tar-robotika. Permezz tal-assistenza tar-robot, l-interventi kirurgiċi llum jistgħu jsiru b’aktar reqqa u preċiżjoni u jirnexxielhom jilħqu anki partijiet tal-ġisem li sa ftit ilu kien diffiċli jekk mhux impossibbli li jsiru interventi fuqhom b’mod tradizzjonali.

Ninnutaw ukoll li wara s-suċċess miksub bl-użu tar-robotika fl-interventi tal-prostata, issa qed isir investiment fit-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa f’iżjed oqsma tal-kirurġija. Fil-fatt saru l-ewwel operazzjonijiet bl-użu tar-robotika waqt interventi fil-musrana u fl-istonku. Mix-xahar id-dieħel dan il-proċess se jibda jintuża wkoll waqt operazzjonijiet tal-kanċer f’dawn iż-żewġ partijiet tal-ġisem.

Il-fatt li sa issa saru mal-50 operazzjoni bl-użu tar-robotika fl-Isptar Mater Dei, minnu nnifsu dan huwa inkoraġġanti u juri kemm din is-sistema kienet bżonjuża ferm għall-kura tal-pazjenti. Għalhekk huwa kruċjali li jkompli jingħata t-taħriġ meħtieġ lill-professjonisti fl-użu ta’ din is-sistema ġdida sabiex b’hekk ikomplu jiżdiedu s-suċċessi fl-operazzjonijiet li jsiru b’dan il-mod modern.

Dan kollu huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern qiegħed tassew jinvesti mhux biss fis-sistema tas-saħħa imma anke fil-ħaddiema li wara kollox huma dawk li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet varji, minn dawk li għalihom jiġu mitluba jassistu regolarment sa oħra fejn ir-riskju li tintilef il-ħajja tista’ tkun akbar.

Ekonomija

Sport