Saturday, November 9, 2024

l-Wu Shu ky kickboxing Club (WsK) b’bosta stediniet minn clubs u assoċjazzjonijiet minn barra minn xtutna

Aqra wkoll

Din is-sena, il-Club Wu Shu ky kickboxing (WsK) Malta qed jirċievi bosta stediniet minn clubs u assoċjazzjonijiet minn barra minn xtutna. Dan huwa l-vantaġġ ta’ meta tkun affiljat ma’ federazzjoni internazzjonali fejn il-WsK qiegħda fil-WUMA (World United Martial Arts).

Alan Borg, il-president ta’ din il-federazzjoni, ġie mistieden biex jipparteċipa fi training camp fejn kienu diversi coaches ġejjin minn pajjizi differenti. Huwa qal li: “Tkun sodisfatt u kburi meta tipparteċipa ma’ pajjiżi kbar li ġieli lanqas b’isem pajjiżna ma jkunu semgħu. Master Kob, mexxa s-seminar, bniedem li jġorr miegħu 162 ġlieda fil-Muay Thai speċjalment ġewwa t- Tajlandja.

It-teknika professjonali tiegħu u l-approċċ mal-istudenti huma ta’ livell għoli. It-training camp li dam tmint ijiem, kien ta’ esperjenza u tagħlim biex ngħaddih lill-istudenti tiegħi.  

Din is-sena se nkunu ħadna sehem fi tliet avvenimenti kbar barra minn xtutna. Nieħu spunt, insemmi li f’Malta għaddejjin il-preparamenti għan-National & International fights fis-17 ta’ Ġunju li ġej. Is-sabiħ ta’ din id- dixxiplina huwa li tara iktar minn 12-il club Malti, jingħaqad f’team wieħed.

Il-promoter Malti, Master Simon Chetcuti, huwa bniedem li jemmen u jimbotta l-Combat sports f’pajjiżna.

Student mill-WsK, Victor Galea, li kien assistit minn Sensei Trevor, instructor tal-WsK, ikkompeta fuq livell internazzjonali ġewwa Messina fi Frar li għadda. Huwa atleta dedikat u jagħti ħin twil f’taħriġ kontinwu. Sfortunatment, il-ġlieda ntrebħet mit-Taljan bil-punti.

F’Settembru li ġej, se jsiru l-W.U.M.A World Championships ġewwa Argos, il-Greċja. It-team tal-WSK se jkun qed jingħaqad ma’ clubs oħra Maltin, biex jikkompetu fuq livell internazzjonali u jirrappreżentaw il- bandiera Maltija. 

Diġá saru xi kuntatti ma’ Visit Malta bl-għajnuna tal- Ministru tat-Turiżmu, Onor. Clayton Bartolo, biex ikollna uniformi waħda li biha nirrappreżentaw lil pajjiżna.  

Grazzi lil SportMalta wkoll, li ċerti atleti jkun jista’ jingħatalahom sport leave. Dawn huma inċentivi tajbin biex inħajru u ngħinu lill-atleti Maltin jipparteċipaw iktar fl-isport. 

Sfortunatament, ċerti dipartimenti kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Privat, ma japprezzawx id-dedikazzjoni u l-ħin ta’ kemm atleta jqatta’ mill-ħin liberu tiegħu.

Għal dawk interessati li jibdew jipprattikaw din id-dixxiplina sportiva fil- Kickboxing, fit-2 ta’ Mejju li ġej, se jsir “beginners adults – 10 week course” minn instructor tal-WsK, Sensei Robert Cassar.

Sistema ta’ gradings issir bejn darba u darbtejn f’sena ġewwa l-club, mill- Master Dale Hamilton li huwa l-president u r-rappreżentant tal-WUMA federation ġewwa Malta.

Il-Wu Shu Ky huwa club ħaj mimli avvenimenti, coaches ta’ esperjenza ta’ ‘l fuq min 10 snin u kkwalifikati. Il-WsK Club jilqa’ wkoll tfal bejn seba’ snin u 12-il sena, fejn il-coach Dorothy temfasizza ħafna fuq l-attivitá fiżika u l- kontroll tal-obeżitá fit-tfal.” 

Sport