Is-sopran ta’ fama mondjali Liudmyla Monastyrska se tkun qiegħda tiftaħ il-kast eċċezzjonali tal-opra La Forza del Destino ta’ Giuseppe Verdi, l-ewwel opra fl-istaġun ta’ din is-sena f’Għawdex, fit-Teatru tal-Opra Aurora, nhar is-Sibt 11 t’Ottubru 2025. Dan tħabbar mit-tmexxija tat-Teatru, issa li l-produzzjoni waslet fl-aħħar fażi tagħha.
Imwielda l-Ukraina, Monastyrska tiġi b’fama li ħaditha fit-teatri l-kbar tad-dinja, mill-MetOpera ta’ New York fejn kantat it-Tosca u t-Turandot, sa Munich, l-Arena ta’ Verona, is-San Carlo ta’ Napli, ir-Royal Opera ta’ Londra u fuq kollox il-La Scala ta’ Milan. Din se tkun qed tidher biswit it-tenur Stefano Secco fl-irwol ta’ Don Alvaro. Secco deher kemm-il darba f’teatri bħal-La Scala, il-Bastille ta’ Pariġi u t-Teatru ta’ Vienna fost l-oħrajn. Għandu reputazzjoni internazzjonali li ġġib kredibilità u anke ammont ta’ segwaċi; dilettanti tal-opra li jsiefru biex isegwuh. It-trio ewlieni jingħaqad bil-baritonu Grieg Dimitris Tiliakos li għalih se tkun it-tieni darba fl-Aurora din is-sena wara s-suċċess kbir li kellu f’April li għadda meta kanta n-Nabucco fi produzzjoni tal-Festival Gaulitana.
Il-lista tal-kast tkompli bil-mezzosopran Taljana Cristina Melis fl-irwol mill-isbaħ ta’ Preziosilla u l-baxx Ġappuniż Hidenori Inoue fil-parti tal-Patri Gwardjan. Magħhom jidhru wkoll Tiziano Bracci bħala Fra Melitone, Francesco Napoleoni bħala Mastro Trabuco, Andrea Carcassi bħala s-sindku u l-kirurgu u Davide Procaccini bħala l-Markiż. Il-parti ta’ Curra se tkun interpretata mill-Maltija Nicole Vassallo.
L-ingaġġ ta’ Monastyrska u l-bqija tal-kast, daqstant kwotat, ma kinitx xi ħaġa faċli iżda hija impenn ċar mit-tmexxija tat-Teatru Aurora sabiex l-opra f’Għawdex tittieħed fil-livell li jmiss. La Forza hija opra ferm diffiċli. Biss biss, il-kast ewlieni jitlob 10 kantanti, il-kor (f’okkażjonijiet kor doppju) jitlob elementi numerużi u b’saħħithom. Mhux ta’ b’xejn li din l-opra ma nsibuhiex daqstant fiċ-ċirkolazzjoni – mhux għax mhix sabiħa, iżda għax mhix faċli u rħisa.
Iżda l-Aurora mhuwiex jipprova jaqta’ suċċess biss bil-kast. Hija sfida u taqbida sħiħa sabiex lill-udjenzi tiegħu, l-Aurora jibqa’ jagħtihom xi ħaġa ġdida, friska u differenti; xi ħaġa li ma rajniex bħalha qabel, iżda fl-istess ħin xi ħaġa kredibbli, rispettuża lejn il-plot u fuq kollox, estetikament sabiħa. F’dan l-aspett, Riccardo Buscarini ta prova ta’ xogħlu, għal darba darbtejn, bil-Madama Butterfly (2023) u Il Trittico (2024). Din id-darba, qiegħed jikkollabora ma’ Mara Pieri għad-disinn tal-kostumi u Giammaria Farina; arkitett u disinjatur Taljan li l-portafoll tiegħu jinkludi palkijiet kbar fuq ġewwa u fuq barra, minn kunċerti rock sa opri. Il-kollaborazzjoni attiva tiegħu mad-direttur rinomat David Livermore wasslitu biex kemm-il darba kien qiegħed jaħdem il-famuża Prima della Scala!
Bħas-soltu, Colin Attard se jidderieġi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Kor tat-Teatru Aurora.
Biljetti qed jinbiegħu għal €90, €75 u €55 b’numru limitat ta’ palketti esklussivi għal €500-għal-4-persuni bis-servizz tal-butler u xampanja jew inbid. It-teatru joffri wkoll ikel u nbid fl-intervall ewlieni b’riċeviment esklussiv għal 80 persuna fis-sala tal-mistednin. Biljetti disponibbli dejjem fuq www.teatruaurora.com.
La Forza del Destino qed tiġi megħjuna mill-Arts Council Malta f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar permezz tal-programm Investment in Cultural Organisations Gozo, u bil-ġenerożità sħiħa tal-Bank of Valletta.