Fil-Kampjonat Spanjol, Barcelona reġgħu fetħu vantaġġ ta’ tmien punti fil-quċċata tal-klassifika meta laqgħu lil Cadiz u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0.
Madankollu huma kellhom jitħabtu biex kisbu din it-rebħa.
Iż-żewġ goals waslu f’temp ta’ żewġ minuti lejn tmiem l-ewwel taqsima.
Kien Sergi Robert li fetaħ l-iskor, fit-43 minuta, wara li x-xutt ta’ Robert Lewandowski kien milqugħ parzjalment biex mir-round spara fix-xibka.
Fil-45 minuta, l-istess Lewandowski rdoppja meta qabad ballun f’tarf il-kaxxa u fajjar kanunata li għelbet għal kollox lill-goalkeeper Jeremias Ledesma.
Din it-telfa ħalliet lil Cadiz fis-17-il post, żewġ punti fuq iż-żona ta’ relegazzjoni. Huma kellhom żewġ gowls annullati u għamlu l-ħajja tal-Katalani diffiċli iżda finalment dawn tal-aħħar ittrijonfaw biex resqu aktar lejn ir-rebħ tat-titlu.