Karim Benzema skorja hat-trick fl-ewwel taqsima fi spazju ta’ seba’ minuti hekk kif Real Madrid għelbu lil Real Valladolid 6-0 fi Stadio Bernabeu.
It-team ta’ Carlo Ancelotti jinsab 12-il punt taħt il-leaders ta’ La Liga, Barcelona, meta għat-tmiem fadal 11-il logħba oħra.
Rodrygo (22) fetaħ l-iskor għal Real Madrid u wara kien Benzema (29, 32 u 36) li għamilhom 4-0 u fit-tieni taqsima Marco Asensio (73) u Lucas Vasques (90) issiġillaw ir-rebħa.
Kienet l-aktar tripletta ta’ Madrid veloċi f’logħba ta’ La Liga mit-tliet goals ta’ Fernando Hierro f’sitt minuti fir-rebħa ta’ 7-0 fuq Espanyol f’April tal-1992.
Kienet rebħa li żiedet il-moral ta’ Madrid, li prattikament jinsabu barra mit-taqtiegħa għat-titlu, iżda għada l-Erbgħa jiltaqgħu kontra Barcelona fit-tieni leg tas-semi-finali tal-Copa del Rey.
Robert Lewandowski (20, 66) skorja darbtejn hekk kif Barcelona resqu eqreb lejn l-ewwel titlu ta’ La Liga mill-2019 b’rebħa kbira 4-0 f’Elche. Ansu Fati (56) u Ferran Torres (70) skorjaw iż-żewġ goals l-oħra.