It-tamiet ta’ Real Madrid għar-rebħ tat-titlu Spanjol ħadu daqqa ta’ ħarta oħra wara li kienu miżmuma 1-1 minn Atletico Madrid fil-Bernabeu, b’dawn tal-aħħar jispiċċaw bi player inqas f’nofs it-tieni taqsima.
B’dan id-draw, Real jinsabu seba’ punti wara Barcelona li jridu jirkupraw partita meta llum imorru jilagħbu għand Almeria bil-possibbiltá li jiftħu vantaġġ ta’ 10 punti.
It-team immexxi minn Carlo Ancelotti iddomina l-ewwel taqsima iżda ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja biex iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fid-draw ta’ mingħajr goals.
Il-logħba ħadet il-ħajja fit-tieni taqsima meta, fl-64 minuta, is-sostitut ta’ Atletico, Angel Correa, intwera karta ħamra diretta meta laqat bil-minkeb lil Antonio Rudiger f’sidru.
Iżda l-istess Aletico fetħu l-iskor, fit-78 minuta, meta Jose Gimenez xeħet fir-rokna tax-xibka mill-free-kick ta’ Antoine Griezmann.
U meta dawn dehru li kienu se jirreġistraw l-ewwel rebħa fil-Bernabeu mill-2016, Alvaro Rodriguez (85) salva r-riżultat għal Real Madrid.