Sunday, December 22, 2024

“Ladarba tiggradwa persuna għandha titla fil-grad mistħoqq b’mod awtomatiku”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

LSE ggradwata infurmata li trid tistenna sentejn għall-ħlas fil-grad mistħoqq

Waħda mill-professjonijiet bżonnjużi ħafna fis-settur edukattiv hija dik tal-Learning Support Educators (LSEs), l-edukatturi li jgħinu fil-vjaġġ edukattiv tat-tfal bi bżonnijiet speċjali. Lokalment dan is-servizz fl-iskejjel jingħata u għal dawn l-aħħar snin iddaħħlu korsijiet li jwasslu għal gradwazzjoni. Hemm gradi bil-pagi rispettivi tagħhom ta’ LSE1, 2 u 3 fejn l-aħħar wieħed huwa l-ogħla grad li edukaturi ta’ dan it-tip jistgħu jilħqu. LSE li taħdem fi skola tal-Knisja lmentat ma’ L-ORIZZONT li minkejja temmet b’suċċess id-Degree għal LSE3, din ġiet infurmata li se jkollha tistenna madwar sentejn biex tibda titħallas tal-grad li jistħoqqilha għall-kwalifiċi li b’sagrifiċċju kbir kisbet.

It-triq biex jitħarrġu għal dan il-grad fi skala 9 tas-servizz pubbliku hija waħda impenjattiva. LSE2 li tkellmet ma’ dan il-ġurnal qalet li hija ilha 15-il sena taħdem f’dan ix-xogħol u tant hija kuntenta, li lanqas timaġinaha tagħmel xogħol ieħor. “Għandi relazzjoni tajba mal-istudenti u mal-kollegi tiegħi,” spjegat din l-edukatriċi. Hija qalet li tul is-snin kisbet id-Diploma u riċentement anke ggradwat b’Degree fl-Edukazzjoni Inklussiva.

Spjegat kif għal dawn l-aħħar 11-il sena hija kienet fil-grad ta’ LSE2 u li f’din is-sena lestiet id-Degree tagħha li bih tilħaq LSE3. Din l-edukatriċi qalet li, “is-sitwazzjoni preżenti tiegħi hija li ninsab fi Skala 10 step 7. Dan huwa l-aħħar pass fi Skala 10 u għaldaqstant huwa l-livell massimu li tista’ titla’ LSE2. Bit-tlestija tad-Degree għal LSE3 wieħed jista’ jitla’ għal Skala 9. Minkejja dan, id-Dipartiment responsabbli li joħroġ il-pagi tagħna infurmani li l-proċess biex jien inkun fi Skala 9 se jibda bejn Ġunju 2022 u Marzu 2023”.

Din l-edukatriċi qalet li din l-aħbar ħasditha u naqsitilha mill-ħeġġa għax hija investiet il-ħin u l-flus tagħħa biex tavvanza fil-karriera u se jkollha tistenna sentejn biex tara l-frott tas-sagrifiċċji tagħha. Sostniet li ebda professjoni oħra ma jdumu sentejn biex jingħataw il-grad u l-ħlas dovut. Għaldaqstant saħqet li din hija sitwazzjoni totalment inġusta fil-konfront tagħha u ta’ kull LSE li qegħdin ibatu b’dan id-dewmien.

“Persuna, ladarba tiggradwa, għandha titla’ fil-grad mistħoqq b’mod awtomatiku u mhux snin wara. Il-ftehim kollettiv il-ġdid li jmiss huwa s-sena d-dieħla u nittama li każijiet bħal dawn ikunu indirizzati b’urġenza u b’mod xieraq,” temmet l-LSE2.

Dan il-ġurnal bagħat dan l-ilment u mistoqsijiet relatati, kif ukoll staqsa dwar kemm hemm LSEs li qegħdin jistennew jitilgħu fil-gradi rispettivi għall-kwalifiċi tagħhom lill-Ministeru tal-Edukazzjoni iżda, sakemm ġejna għall-pubblikazzjoni, konna għadna bla risposta.

Ekonomija

Sport