Sunday, October 27, 2024

Lagħbet €200,000 waqt li kienet fuq il-benefiċċji soċjali

Sentenza sospiża mibdula f’waħda effettiva ta’ ħabs

Aqra wkoll

Mara li lagħbet ‘il fuq minn €200,000 waqt li kienet fuq il-benefiċċji soċjali u li naqset milli tiddikjara d-dħul tagħha bħala fortune teller, kellha s-sentenza mibdula għal waħda ta’ priġunerija effettiva fl-appell.

L-investigazzjonijiet fil-konfront tal-mara, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, bdew wara li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali fl-2020 dwar l-infiq tagħha f’casinos.

Il-mara kienet qiegħda tonfoq ammonti sostanzjali ta’ flus, li kienu jmorru lil hinn mid-dħul li ddikjarat għal skopijiet ta’ taxxa. Hija kienet l-aħħar irreġistrata bħala impjegata fl-2008, iżda kienet tkeċċiet mill-impjieg wara li allegatament serqet ċekkijiet minn fuq il-post tax-xogħol.

Din l-allegazzjoni wasslet għal proċeduri separati fil-konfront tagħha. Fl-2009, il-mara rreġistrat bħala “sole trader” mad-Dipartiment tal-VAT u waqqfet negozju bħala fortune teller. Fl-istess waqt, hija kienet qiegħda tgħix f’appartament tal-Gvern u applkat għall-benefiċċji soċjali.

Hija rċeviet total ta’ €35,123 bejn l-2008 u l-2021, meta ddikjarat li ma kellhiex impjieg minħabba kundizzjoni medika. Il-mara qalet ukoll li hija omm ta’ tlitt itfal, li kienu għadhom taħt l-età.

Madankollu, l-investigazzjonijiet urew li hija lagħbet aktar minn €203,604 bejn l-2009 u l-2020, bil-maġġoranza tal-pagamenti jitħallsu bi flus kontanti. Dawn l-ammonti ma kinux jaqblu ma’ dak li ddikjarat bħala dħul.

Aktar minn hekk, wara li bdiet in-negozju tagħha bħala fortune teller, hija naqset milli tiddikjara wkoll id-dħul. Sussegwentement hija ġiet mixlija b’misappoprjazzjoni, frodi u ħasil ta’ flus kif ukoll li kisret diversi sentenzi tal-Qorti u li saret reċediva.

Fl-2022, hija kienet instabet ħatja u ngħatat sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin filwaqt li kienet immultata €28,000. L-Avukat Ġenerali appella mid-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti, li kien parzjalment milqugħ.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, innotat kif l-ewwel Qorti kienet illiberatha mill-akkużi tar-riċediva wara li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova d-dati eżatti ta’ meta allegatament kienet kisret is-sentenzi tal-Qrati.

L-Imħallef osservat ukoll il-fedina penali tagħha, fejn jidher li għalkemm ingħatat diversi opportunitajiet biex tbiddel ħajjitha, hija ppersistiet biex tkompli tikser il-liġi għad-detriment ta’ diversi persuni li spiċċaw vittmi tal-aġir frawdolenti tagħha.
Ir-reati li dwarhom l-akkużata rreġistrat ammissjoni kienu mwettqa bejn l-2012 u l-2021 u għaldaqstant dan kien ifisser li kienet riċediva. “Peress li kienet ħatja tal-akkuża dwar riċediva, qatt ma setgħet tingħata sentenza sospiża,” osservat l-Imħallef.

Kien għalhekk li minflok sentenza sospiża u multa, ikkundannatha għal sentejn ħabs effettivi. Il-Qorti żiedet ukoll terminu ieħor ta’ sena u nofs ħabs, li minnu għandu jitnaqqas iż-żmien li għamlet taħt arrest preventiv fuq akkużi separati li fuqhom hija kienet ingħatat il-libertà kkundizzjonata fl-2015.

Waqt li kkundannatha tliet snin u nofs ħabs effettivi, il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jagħtiha l-għajnuna kollha meħtieġa fid-dawl tal-kundizzjoni mentali tagħha.

Sport