Friday, December 19, 2025

“Lakuni serji fil-mod ta’ kif il-każijiet ta’ krudeltà fuq l-annimali jiġu ttrattati”

- Il-Malta SPCA b’appell lil-leġislaturi u lill-ġudikatura

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“L-MSPCA hija mħassba ħafna bl-aħbar li sentenza ta’ sentejn ħabs għal ammissjoni ta’ krudeltà fuq l-annimali u qtil ta’ qtates f’Tas-Sliema ġiet annullata fuq bażi proċedurali u l-każ intbagħat lura għal sentenza ġdida. Filwaqt li nirrispettaw l-importanza tal-proċess legali, dan ir-riżultat jenfasizza lakuni serji fil-mod ta’ kif il-każijiet ta’ krudeltà fuq l-annimali jiġu ttrattati skont il-liġi attwali”. 

Qalet dan il-General Manager tal-Malta SPCA, Maria Cassar Torregiani, f’kumment li tat lil dan il-ġurnal dwar is-smigħ mill-ġdid tal-każ tar-raġel ta’ 31 sena li ammetta huwa stess li qatel numru ta’ qtates f’Tas-Sliema. 

F’Ottubru li għadda huwa ġie kkundannat sentejn ħabs u mmultat €15,000 kif ukoll inħareġ ordni ta’ trattament għal tliet snin u projbizzjoni milli jkollu annimali għal 40 sena. Ġara li wara appell, is-sentenza ġiet revokata u issa l-każ se jerġa’ jinstema’ fl-Ewwel Qorti u tingħata sentenza mill-ġdid.

“L-annimali jistħoqqilhom protezzjoni”

Cassar Torregiani enfasizzat li, “l-annimali huma esseri senzjenti li jistħoqqilhom protezzjoni legali ċara u konsegwenzi sinifikanti għal dawk li jikkawżawlhom tbatija bla bżonn”. 

Min-naħa tagħha hija temmet tħeġġeġ lil-leġiżlaturi u lill-ġudikatura biex jiżguraw li l-ġustizzja sostantiva tiġi rispettata u li s-sentenzi futuri jirriflettu kemm il-krudeltà tal-att kif ukoll il-ħtieġa għal protezzjoni aktar b’saħħitha tal-benesseri tal-annimali f’Malta.

Appell: Sentenza li tagħti piż xieraq lill-ħajjiet li ttieħdu

L-istess saħaq l-Uffiċċju tal-Kumissarju għall-Ħarsien Xieraq tal-Annimali fejn fi stqarrija qal li qiegħed jistenna l-eżitu tas-sentenza u wkoll appella biex tittieħed deċiżjoni li tagħti l-piż xieraq lill-ħajjiet li ttieħdu. 

Filwaqt li esprima “dispjaċir kbir  għall-aħbar” żied li, “dan l-iżvilupp ikompli jenfasizza l-bżonn urġenti ta’ reviżjoni tal-liġijiet eżistenti, kif ukoll tal-introduzzjoni ta’ liġijiet ġodda, inkluż Abbozz għall-Annimali Domestiċi li jirrikonoxxi l-kunċett ta’ “sentient being”, peress li l-annimali m’għandhomx jibqgħu jiġu meqjusa bħala proprjetà mobbli fid-dritt”.

L-istqarrija spjegat li fid-dawl tal-esperjenza professjonali tal-Kummissarju, Dott. Fleur Abela bħala avukat u fl-abbozzar leġiżlattiv, ix-xogħol fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet diġà beda fuq livell legali. Infurmaw li dan jinkludi diskussjonijiet ma’ NGOs u attivisti, kif ukoll mas-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali. 

Finalment ingħad li, “dan kollu qiegħed isir skont ir-rwol tal-Kummissjoni kif stabbilit taħt il-Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta, li permezz tiegħu l-Kummissarju hija inkarigata li tagħmel rakkomandazzjonijiet. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma mistennija jiġu ppubblikati lejn l-aħħar ta’ Jannar. L-annimali m’għandhomx vuċi; l-Uffiċċju tal-Kummissjoni jibqa’ impenjat li jkun leħinhom”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport