“Ara tat-TORĊA waslu. Għaddu ‘lhawn. Int li tikteb? U dan min hu? Noqogħdu fuq dan il-bank?”. Hekk laqgħatna Pompei Magro, li llum tgħodd 90 sena. Iltqajna magħha fil-post fejn dejjem għexet, il-Gżira. Nispjegalha li aħjar noqogħodu f’kamra għall-kwiet, b’tieqa minħabba l-fotografu. Pomepeia tolqtok mill-ewwel. Kif taraha se tinduna li għadha żvelta sew. Jekk tibda tparla ma tiqafx, tissorpendi għax tibda tirrakkonta. Tissorprendik għax kif ngħiduha “Pompeia għadha tridha”. Xagħrha mimxut pulit. Arloġġ sabiħ f’idejha. Ġawhar ikkulurit bl-aħmar, midalja mal-ġiżirana, par imsielet u bid-dwiefer miżbugħin. Ma ttinix ċans nitkellem. Tpoġġi bilqiegħda u tgħidli “aħna batejna ħafna. Lanqas nafu kif trabbejna”. Tħares lejn l-art u mbagħad iddur fuqi u tgħidli: “x’ħin trid nibda nirrakkonta”.
Trabbejna fl-Istitut….kif spiċċat il-gwerra tefgħuna f’ Għajnsielem mas-sorijiet…batejna ħafna
“Aħna batejna mhux bħal lum ta. Batejna xbin. Kienet iebsa. Llum ward u żahar. Għandhom kollox. Li jridu għandhom. Ħa ngħidlek u mhux kuntenti”, bdietli l-konversazzjoni Pompeia. “Jien għext il-gżira . Konna ħames t’aħwa. Jien spiċċajt fl-Istitut. Hemm trabbejna. Konna fl-Istitut ta’ Għajnsielem mas-sorijiet.” Tħares lejja b’ċertu ħarsa. Qisha ħarsa ta’ dieqa. “Konna inbatu, għax l-affarijiet ma kinux kif inhuma llum. Anki biex niklu konna inbatu”. Nistaqsiha għaliex.
“Darba qlajt xeba’. U xeba’ sew ta. Kienet ġiet waħda soru u riedet bilfors ittini ż-żejt tal-ħuta. Jien ma ridtx. Għamlithieli mal-brodu. Jien indunajt u ma ridtx nieklu. Bqajt nirreżisti. U qlajt xebgħa li bqajt niftakarha. Immnalla kienet Sr Ester, li qabżet għalija. Konna ħames aħwa fl-Istitut.”
Minn hemm tgħallimt ir-rakkmu tad-deheb…. konna nagħmlu xogħol għall-ventartali
“Imma l-ħajja fl-Istitut kif kienet?” Għal din id-domanda Pompeia tgħidilna li “skola ma tantx tgħallimna minn hemm. Tgħallimna imma nirrakkmaw. Is-sorijiet kien ikollhom ħafna xogħol tar-rakkmu. Kienu magħrufin għalih. Trid il-paċenzja. Lilna għallmuna nirrakkmaw bid-deheb. Dak kien jintuża għall-ventartali. Kienu jagħmluhom u jbiegħuhom jew iġibulhom disinn”.
Kont inmur għand il-Victory Kitchen bil-kaxxa tal-kunserva
għall-ikel….kienet waqgħetilna d-dar bil-bombi
“Fil-gwerra konna ngħixu ż-Żejtun. Niftakarni naraw l-piloti neżlin bil-paraxut, meta kienu jintlaqtu. Fil-gwerra id-dar tagħna iġġarrfet. Niftakar missieri kien ħaffer xelter. Jien mindu kont żgħira kont inbati bir-rawmatiżmu. Ix-xelter ma kienx tajjeb għalija minħabba r-rawmatiżmu. Kont nipprova ma nmurx, imma ħafna ħin konna ngħadduh hemm taħt fix-xelter. L-ikel kien ikun jew ful jew ħarrub. Dak iż-żmien fuq il-ħarrub konna ngħixu. Kien hawn ħafna ġuħ. Omi kienet ittini żewġ soldi u kienet tgħidli mur ara itukx ftit ħarrub.”
“Niftakar lil ommi iġġib xi bajda u konna nnaqsmuha bejnietna. Kien hawn il-ġuħ. Niftakar lil ommi tibgħatni għand tal-Victory Kitchen. Kienet ittina kaxxa tal-kunserva. Kienu jitfgħulek ftit minestra. Dak kien kollox. Ġieli xi biċċa ħobż. Min kien ikollu t-trabi kien jingħata ftit smid żejjed. Niftakar lil missieri jgħid li jrid jibda jrabbi t-tiġieġ biex ikollna l-bajd. Niftakar iz-zokkor – Kien ikun iswed. Il-pa kien ibiddlu mal-pitrolju biex iz-zokkor ma jkunx mill-iswed.”
“Kif battew l-attakki, spiċċajna ġo l-Istitut. Ma kellhomx flus biex irabbuna. Id-dar waqgħet. Kien qisu spiċċa kollox. Lanqas naf kif trabbejna. La imħabba ta’ omm u lanqas tal-missier. Jien kont nitlob lil Alla biex iżommni ħajja.”
Wara l-gwerra fl-Istitut daħlu ħafna tfal li spiċċaw iltiema
“Kif kienu battew l-attakki daħħluna fl-istitut għax ma setgħux irabbuna aktar. Niftakar kien hemm mument fl-Istitut meta spiċċat il-gwerra, fajn kienu daħlu ammont kbir ta’ tfal. Sibnihom hemm kollha fil-benniena. Daħluhom hemmhekk għax dawn kienu tfal li spiċċaw iltiema minħabba l-gwerra”, iddikjarat Pompeia.
Missieri ma bediex jagħti flus lil ommi….. ommi riditni nibda naħdem
“Il-ħajja wara l-gwerra kienet diffiċli. Nuqqas ta’ ikel. Bini mwaqqa’. Missieri ma kienx baqa’ jagħti flus lil ommi. Ridtni noħroġ mill-Istitut u nibda naħdem. Ommi kienet tipprova ddaħħal xi flus billi taħsel il-ħwejjeġ tas-suldati. Kienu jmorru bil-ħwejjeġ u hi kienet ittihomlna u aħna naħslu. Niftakar imbagħad li kont smajt li l-kumpanija Farsons riedu xi ħaddiema. Kont għedtilha li se nipprova nidħol hemm. Applikajt u kont dħalt. Kont naħdem fuq il-magni naħslu il-fliexken”.
“Il-Gżira wara l-gwerra kien hawn ħafna bini imwaqqa’. Niftakar it-Teatru Orpheum. Dak kien intlaqat sew. Niftakarhom imbagħad qegħdin jibnuh mill-ġdid. Meta bdejt naħdem, spiċċajt iżżewwiġt ftit wara. Ir-raġel kien jaħdem fis-sezzjoni tagħna stess. Iżżewwiġt fis-sena 1958 u ġejna noqogħdu l-Gżira. Ħriġt tqila wara ftit. Ir-raġel miet żgħir miskin.”
Il-Gżira minn dak iż-żmien għal lum inbidlet ħafna….dak iż-żmien il-ħajja kienet kwieta
“Il-Gżira inbidlet ħafna. Id-djar kienu ħafna irħas minn kemm huma llum. Xorta ridt taqdef biex tixtrihom. Il-ħajja fil-Gżira bejn dakinhar u llum inbidlet ħafna. Lanqas tintgħaraf. Qabel konna noħorġu s-siġġijiet barra. Kien kulħadd jitkellem fuq il-familja. Id-diskors kien jaqa’ fuq x’se nieklu. Issa spiċċa kollox. Dik il-ħajja għebet llum. Illum lanqas tista’ toqgħod barra bil-karozzi li jgħaddu. Għalkemm illum ngħix f’dar tal-anzjani, jien xorta bqajt inmur id-dar tiegħi. Inmur u innaddaf. Inżomm ruħi okkupata kemm nista’. Sibtha iebsa ngħix waħdi. Trid issakkar. Tiġi ta’ waħdek, mhix sabiħa. Ħuti kbar ukoll.”
Fit-triq konna qisna familja
“Dak iż-żmien fit-triq konna qisna familja. Kulħadd jgħin lil xulxin. Konna aktar magħqudin qabel. Illum ħadd ma jimpurtah minn ħadd. Kważi kważi lanqas ikunu jafu min huma in-nies tat-triq illum, għax mix-xogħol għad-dar u mid-dar għax-xogħol u daqshekk”, tgħidilna Pompeia.
Jien kont partitarja Mintoffjana…. fl-interdett batejna imma ma’ Mintoff bajt
Pompeia titkellem magħna dwar l-attiviżmu politiku. “Kont involuta dejjem mal-Partit Laburista. Kien jiġi Trigona u jien kont indawwru. Jien partitarja Mintoffjana. Dwar Mintoff ngħid li hemm it-tajjeb u hemm il-ħażin. Ma tistax tiċħad li hemm ħafna t-tajjeb. Jien partitarja u ma ngergirx. Niftakar fl-Interdett. Kienu jiġu u jgħidulna kontra Mintoff. Konna nissakkru ġewwa. Niftakar quddiemna kien hemm waħda toqgħod, Ġuża kien jisimha. Kellha ħafna ritratti ta’ Mintoff. Jekk kienu jkunu jafu li qed tappoġġja lill-Partit Laburista la kienu jiġu jqarbnuk, la jberkulek, xejn. Kif jinduna l-qassis, kien jaqbad u joħroġ ‘lbarra. Niftakar il-bullettini lanqas kienu qassmuhom. Batejna min kien Laburist. Kien hemm ħorox kontrina, anke sorijiet. Kienu jittimbrawk.”
“Kien ikun hemm nies li ma kienux juru ma’ min huma. Kienu jkunu Laburisti imma kienu jibżgħu juru. Kienu jibqgħu kwieti u ma jiftħux fommhom”, tenfasizza Pompeia.
Nistaqsuha llum li għaddew aktar minn ħamsin sena minn dawk il-ġrajjiet, x’taħseb meta tħares lura.
Tieqaf għal ammont ta’ ħin. Tħares lejn l-art. Tħares lejna. “Jien illum taf x’ngħid. Aħna mhux kollha aħwa. Jekk għandek opinjoni, għalfejn għandek tbati minħabba fiha. Inti taħseb mod u jien ieħor. Mintoff għamel ħafna ġid. Biex tifhem trid tara kif konna ngħixu dak iż-żmiien. Il-faqar li kien hawn. Pajjiż imkiisser wara l-gwerra. Kien għamel il-pensjonijiet, anke r-romol bdew jieħdu pensjoni. Qata’ il-faqar. Meta tela’ hu l-faqar sparixxa. Bena u qassam djar bi ftit flus. Min kien fil-qiegħ, qed ibati, refgħu ‘lfuq”, ittemm tgħidilna Pompeia.

