Ir-rwol tal-General Workers’ Union fis-soċjetà Maltija jestendi lil hinn mir-relazzjonijiet industrijali. Dan kompla jidher mil-laqgħa li s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, kellu mal-Ambaxxatriċi Taljana għal Malta, l-Eċċellenza Tagħha Valentina Setta.
Matul il-laqgħa ddiskutew it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja, b’enfasi fuq il-ħaddiema u s-sistema edukattiva biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp.
Is-Segretarju Ġenerali semma l-korsijiet edukattivi li toffri l-unjin permezz tal-Iskola tal-Lingwa UNILANG, kif ukoll it-taħriġ imfassal apposta skont il-ħtiġijiet mitluba, bil-għan li jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema permezz tal-MTRM, biex anke titrawwem soċjetà aktar inklussiva.
Id-diskussjoni messet ukoll kif jista’ jkun hemm aktar ħidma mill-qrib bejn iż-żewġ naħat sabiex flimkien jikkontribwixxu lejn għanijiet komuni, fosthom dawk relatati mal-ħaddiema Taljani f’Malta u l-familji tagħhom.
Lill-Ambaxxatriċi Taljana akkumpanjaha l-Konslu Dott. Santo Purello. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll Riccardo Travaglini, konsulent tal-EURES u Business Developer fi ħdan il-GWU, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-UNILANG, Savannah Davies.

