F’laqgħa li kellha l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union (GWU) mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), ġew diskussi diversi proposti li jistgħu jwasslu għal ħidma konġunta bejn il-unjin u l-Kunsill.
“Hekk kif aħna l-istudenti minn fuq il-bank tal-iskola, nibdew immissu mad-dinja tax-xogħol hemm barra, niltaqgħu ma’ diversi sitwazzjonijiet fejn ikollna bżonn il-protezzjoni. Protezzjoni minn min hu mgħarraf biżżejjed, li sfortunatament ma nitolbuhix,” qal Michael Spiteri, l-Uffiċjal tal-Politika Soċjali tal-KSU.
“Għalhekk ħsibna li niltaqgħu ma’ wħud mill-imsieħba soċjali li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalina l-istudenti filwaqt li aħna nikkorrispondu lura għall-ħtiġijiet tagħhom. Hija prassi tagħna li nipprattikaw is-suġġett li nagħżlu li nitgħallmu. Hija ħasra li ġieli jkollna togħma qarsa tal-ewwel xogħol tagħna, meta nistgħu nirrikorru għall-għajnuna faċilment.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja filwaqt li qabel li l-istudenti li jibdew jaħdmu għandhom jingħataw protezzjoni kompleta, qal li jemmen li tajjeb li jkun hemm kollaborazzjoni bejn il-GWU u l-KSU biex filwaqt li l-istudenti jifhmu kif jaħdmu t- trejd unjins, u l-istess KSU joffru l-għajnuna tagħhom lill-ħaddiema dwar korsijiet ġewwa l-Università.
“L-għarfien tagħkom jista’ jgħin lill-ħaddiema jsiru jafu aktar x’toffri l-università, ma jibżgħux jagħmlu l-ewwel pass tagħhom biex jibdew jitgħallmu jew ikomplu jispeċjalizzaw fis-suġġett partikolari tagħhom. Tgħinuhom ma jaqtgħux qalbhom mis-sistema universitarja. Tkunu ta’ gwida biex bniedem jasal,” qal Bugeja.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri qal li tajjeb li l-istudenti jifhmu li għalkemm ikunu ggradwaw fis-suġġett ma jfissirx li mhux se jiltaqgħu ma’ sfidi fuq il-post tax-xogħol. Sfidi li jkunu ġodda għalihom, fejn jistgħu jingidmu.
“Għalhekk tajjeb li jirrikorru għall-għajnuna minn kmieni, u mhux meta jkun tard wisq. Hekk kif hemm baħar jaqsam bejn dak li titgħallem u waqt ix-xogħol. Tajjeb li nibnu l-pontijiet bejnietna biex naħdmu flimkien. Kulħadd joffri l-aħjar tiegħu.”
Spiteri qal li l-KSU huwa proprju l-punt ta’ referenza għall-istudenti universitarji. Punt ta’ referenza li jixtieq jiġbor tim b’saħħtu, bil-għan li jgħin lill-istudenti jkunu aħjar, filwaqt li qegħdin jistudjaw u anke jaħdmu. Fl-istess waqt jespandi wkoll permezz ta’ għaqda flimkien ma’ msieħba soċjali, biex jiftaħ il-bibien tiegħu, għall-ħaddiema hemm barra.
“L-għan ewlieni tagħna huwa li niġbru lil kulħadd magħna. B’hekk flimkien inkopru u naġixxu fl-aħjar interess tal-istudenti u anke tal-ħaddiema. Hekk kif illum il-ġurnata f’kull kors qed jidħlu magħna diversi studenti maturi li jkunu ta’ ispirazzjoni għalina u viċi-versa,” żied jgħid Michael Spiteri.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li hu jemmen li dawn iż-żewġ dinjiet għandhom jersqu viċin xulxin biex waħda ma tbeżżax lill-oħra, anzi jaħdmu flimkien. Fid-dinja tal-lum it-tagħlim huwa ċ-ċavetta għall-ħaddiem biex jimxi ‘l quddiem. Biex wieħed ikompli jispeċjalizza fil-qasam tiegħu jrid ikompli jitgħallem. Madankollu fil-każ tal-istudenti, it-teorija mhijiex kollox, l-esperjenza fiha valur. Meta tidħol fid-dinja tax-xogħol, se ssib realtà differenti.
“Ninsabu onorati li rrikorrejtu għandna u qegħdin niddiskutu diversi proposti, l-aħjar għażliet kif naħdmu flimkien. Id-djalogu soċjali huwa importanti ħafna. Huwa importanti u tinħass il-ħtieġa li l-istudenti jkollhom aktar għarfien dwar it-trejd unjoniżmu, dwar il-ħidma tagħna li tkun qed tipproteġihom minn mindu jirfsu għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol. L-assikurazzjoni għalihom u familthom,” temm jgħid Josef Bugeja.
Iż-żewġ naħat qablu li jerġgħu jiltaqgħu biex ikomplu jiddiskutu kif se jaħdmu flimkien.