Waqt laqgħa bilaterali, it-tliet ministri ftehmu li jikkoperaw aħjar biex jindirizzaw sfidi komuni bħall-immigrazzjoni u kif se jiġġieldu t-terroriżmu. Ir-radikalizzazzjoni kienet ukoll fost is suġġetti tad-diskussjoni.
Fuq nett tad-diskussjonijiet kien hemm is-sigurtà fil-Mediterran u l-isfidi li qed jiffaċċja r reġjun, b’mod partikolari fl-ambitu tal-immigrazzjoni. Il-Ministri qablu fuq il-bżonn li tiħrax il-ġlieda kontra organizzazzjonijiet kriminali, b’mod speċjali dawk li jittraffikaw il-bnedmin u jipperikolaw bosta ħajjiet waqt vjaġġi illegali lejn l-Ewropa. Il-Ministri Maltin saħqu li din il kwistjoni tista’ tissolva biss jekk l-Unjoni Ewropea tkompli tagħti sostenn dirett lill-pajjiżi ta’ tranżitu. Għaldaqstant, iż-żewġ naħat iddiskutew miżuri biex tkun imsaħħa l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi Afrikani tat-tranżitu fuq ir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran, partikolarment fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Patt il-Ġdid tal-Unjoni Ewropea dwar l Immigrazzjoni u l-Ażil.
Waqt il-laqgħa, ġew diskussi opportunitajiet oħrajn ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom it-tisħiħ tal-proċess tal-ażil u r-ritorn ta’ persuni lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom f’każijiet li ma jkunx ħaqqhom protezzjoni. Il-Ministri Maltin irrikonoxxew l-impenn ta’ Franza biex Malta ma titħalliex iġġorr waħedha l-piż tal-immigrazzjoni illegali, l-aktar fejn tidħol ir-rilokazzjoni ta’ immigranti minn Malta.
Ġie diskuss ukoll id-dritt għal-libertà tal-espressjoni f’soċjetà demokratika. Malta u Franza dejjem kienu favur it-tolleranza u l-paċi, hekk kif iż-żewġ pajjiżi dejjem kienu u għadhom jilqgħu nies ta’ twemmin, kulturi u tradizzjonijiet differenti. F’dan il-kuntest, huma enfasizzaw l-importanza tar-rispett reċiproku għal dawk li għandhom fidi differenti u wkoll għal dawk li għandhom opinjonijiet differenti. Qablu wkoll li, kemm f’Malta kif ukoll fi Franza, dawk li jaslu minn pajjiżi u kulturi oħrajn iridu jobdu l-liġijiet u l-Kostituzzjoni bħaċ-ċittadini kollha. Il-Ministri Maltin u Franċiż qablu li jikkoperaw kontra l-fanatiżmu u t-terroriżmu.