Thursday, February 26, 2026

Laqgħa ma’ Nature Trust Malta dwar kif jimmaġinaw il-White Rocks

Aqra wkoll

Il-konsultazzjonijiet ma’ diversi stakeholders dwar il-ħolqien ta’ parks nazzjonali f’White Rocks, Fort Campbell u Manoel Island qed ikomplu b’mod attiv.

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli flimkien mat-tim ta’ Project Green, iltaqgħet ma’ Nature Trust Malta sabiex jiddiskutu l-proposti tagħhom għall-White Rocks bħala park nazzjonali.

Matul din il-laqgħa, Nature Trust Malta ppreżentaw numru ta’ ideat u kunċetti innovattivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-valur ambjentali, edukattiv u soċjali tas-sit, b’enfasi partikolari fuq l-edukazzjoni ambjentali bl-involviment tat-tfal u tal-familji. Il-laqgħa tifforma parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa dwar it-tliet siti identifikati mill-Gvern, biex minflok ikunu żviluppati kif kien il-pjan għal snin twal, jiġu trasformati f’parks nazzjonali miftuħa għall-pubbliku.

Il-Ministru Dalli saħqet li l-Gvern impenjat li jisma’ u jaħdem ma’ kull min għandu ideat jew suġġerimenti dwar il-futur ta’ dawn is-siti. “Aħna miftuħin għal kull min jixtieq jikkontribwixxi b’ideat dwar dak li jrid jara fil-White Rocks, Fort Campbell u Manoel Island – tliet spazji li identifikajna biex, minflok isir żvilupp fihom, isiru parks nazzjonali. Għalhekk ħadt gost niltaqa’ ma’ Nature Trust Malta, li ppreżentaw diversi ideat innovattivi għal White Rocks. Irridu li l-proposti li joħorġu minn dawn il-laqgħat, flimkien mal-kontribut tal-pubbliku permezz tas-sottomissjonijiet fuq parksinmalta.mt, ikunu l-bażi li fuqha se jiġu ffurmati dawn il-parks nazzjonali,” qalet il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, Johann Gatt, rappreżentant ta’ Nature Trust Malta, spjega li d-diskussjoni ffukat fuq kif il-White Rocks jista’ jservi wkoll bħala spazju edukattiv u inklussiv. “Fil-laqgħa li kellna mal-Ministru ddiskutejna kif sit bħalma huwa White Rocks jista’ jintuża biex jinkoraġġixxi involviment akbar tat-tfal. Aħna nemmnu bis-sħiħ li t-tfal għandhom dritt ikunu parti mid-deċiżjonijiet li se jaffettwaw il-futur tagħhom, u għalhekk ħriġna b’pjan li ħafna mill-ideat tiegħu ġew ispirati mit-tfal stess. Dan il-pjan ġie ppreżentat lill-Ministru bil-għan li jiġi implimentat f’dan is-sit,” qal Gatt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport