Saturday, May 10, 2025

Laqgħa mal-MCESD dwar l-iskema tal-pensjoni privata

Aqra wkoll

Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, il-Ministru Caruana ta preżentazzjoni dwar l-Occupational Pension Scheme.

Il-Ministru Clyde Caruana stqarr, “Il-konsultazzjoni tal-lum mal-MCESD, hija pass kruċjali biex nassiguraw li l-Occupational Pension Scheme tkun sostenibbli, ġusta u inklużiva. Din l-iskema hija opportunità importanti biex ħaddiema ma jibqgħux jiddependu biss fuq il-pensjoni tal-Istat, iżda jkollhom għodda oħra biex jiżguraw futur finanzjarju aktar stabbli, fis-snin tal-irtirar tagħhom.”

“Il-fatt li l-Gvern mhux biss qed jimplimenta din l-iskema iżda wkoll se jipparteċipa b’mod attiv billi jħallas daqskemm jikkontribwixxi l-individwu, u dan sa massimu ta’ €100, huwa sinjal ċar tal-fidi soda li għandna f’din il-miżura. Dan mhux biss investiment fil-ħaddiema tal-lum, imma wkoll fil-pensjonanti ta’ għada,” sostna l-Ministru Caruana.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul iddeskriva kemm l-MCESD huwa mezz kif isir id-djalogu miftuħ f’pajjiżna, kif ukoll hu punt ta’ referenza importanti f’pajjiżna fejn jiġu diskussi suġġetti ta’ importanza f’kull settur tas-soċjetà ta’ pajjiżna

“Din id-diskussjoni hija waħda ferm importanti fejn qed tixpruna djalogu ħaj, immirat li jiddiskuti modi ta’ kif bħala pajjiż nimxu ’l quddiem fl-interess tal-ħaddiema u l-familji tagħna. Dawn il-laqgħat juru b’mod ċar id-djalogu soċjali miftuħ li qed iħalli l-ġid, hekk kif l-imsieħba soċjali qed ikunu parteċipi f’dan id-djalogu u d-deċiżjonijiet li qed jaffettwaw il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż. Hekk biss jista’ jkollna diskussjonijiet li verament jirriflettu r-realtajiet ta’ Malta u l-bżonnijiet tal-poplu u niesu,” sostna s-Segretarju Parlamentari Ellul.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport