Tuesday, December 24, 2024

Laqgħa mill-Youth Dialogue Forum Libjan mal-Ispeaker tal-Parlament ta’ Malta

Aqra wkoll

Delegazzjoni mill-Youth Dialogue Forum Libjan żaret il-Parlament u kellha laqgħa mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. Id-delegazzjoni kienet immexxija mis-Sur Emad Eddeen Shanab, Chairman tal-Youth Dialogue Forum Libjan, u kienet magħmula minn rappreżentanti ta’ diversi postijiet u reġjuni fil-Libja.

Matul din il-laqgħa, l-Ispeaker tkellem dwar il-ħbiberija ġenwina u sinċiera tal-poplu Malti lejn il-poplu Libjan. Hu saħaq fuq l-importanza li l-politiċi Libjani għandhom jegħlbu kull diffikultà b’rispett lejn xulxin u persważjoni sabiex huma jħaddnu l-prinċipji tad-demokrazija parlamentari. Dan ikun ifisser li l-mexxejja politiċi tal-poplu Libjan iħabirku fl-interess ta’ pajjiżhom, jiġifieri lkoll jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet favur il-ġid komuni tal-poplu Libjan.  Hu awgura lill-Youth Dialogue Forum Libjan fil-ħidma tiegħu fost iż-żgħażagħ fil-Libja biex huma jkunu ta’ ispirazzjoni għall-poplu Libjan favur il-prinċipji demokratiċi, il-kunċett tas-sistema parlamentari rappreżentattiva, u l-għarfien u rispett għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-persuna umana, hekk kif imfissra mill-Ġnus Magħquda.

Is-Sur Emad Eddeem Shanab faħħar il-poplu Malti għar-rispett u l-ħbiberija sinċiera li dejjem wera lill-poplu Libjan. Hu apprezza l-ħidma u l-kontribut ta’ Malta tul is-snin favur is-sliem u l-paċi fost il-popli tal-Mediterran.

Ekonomija

Sport