Saturday, December 21, 2024

Laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea dwar l-invażjoni tal-Ukrajna

Aqra wkoll

Illum issejħet laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea biex jiġu diskussi l-aħħar żviluppi wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba kien mistieden ukoll biex jiskambja fehmiet mal-ministri tal-affarijiet barranin Ewropej.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kkundanna bil-qawwa dan l-att ta’ aggressjoni kontra s-sovranità tal-Ukrajna u l-poplu tagħha, u appella għall-waqfien kollu tal-ostilitajiet.

Il-Ministru Bartolo, bħall-ministri l-oħra tal-UE, esprima messaġġ qawwi ta’ solidarjetà li għandu jitwassal lill-poplu tal-Ukrajna quddiem aggressjoni mhux ipprovokata. Il-Ministru Bartolo żied jgħid li, “Minkejja l-għadab u l-kundanna tagħna, irid jitħalla bieb miftuħ għad-djalogu”.

Il-Ministru Bartolo saħaq ukoll fuq l-importanza li r-Russja tosserva l-liġi umanitarja internazzjonali u tippermetti aċċess u assistenza umanitarja sigura u mingħajr xkiel lill-persuni kollha fil-bżonn.

Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin approva pakkett addizzjonali ta’ miżuri restrittivi, li ntlaħaq qbil dwarhom ilbieraħ mill-mexxejja tal-UE waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Ekonomija

Sport