Friday, April 10, 2026

Laqgħa ta’ Informazzjoni mal-Kunsilli Lokali dwar l-Iskema għal Dog Parks u Cat Cafés fl-Irħula

Aqra wkoll

Wara t-tnedija tal-iskema li se tappoġġja lill-Kunsilli Lokali fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ Dog Parks u Cat Cafés, illum saret laqgħa informattiva mal-Kunsilli Lokali biex jingħataw aktar dettalji dwar kif jistgħu japplikaw u jimplimentaw dawn il-proġetti fil-komunitajiet tagħhom.

Il-laqgħa kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, li enfasizzaw l-importanza ta’ din l-iskema biex jitjiebu l-faċilitajiet għall-annimali u s-sidien tagħhom fil-lokalitajiet.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet, “Fid-diskussjonijiet li kellna ma’ diversi sidien ta’ annimali, ħareġ b’mod ċar il-bżonn li jinħolqu dawn l-ispazji fil-komunitajiet. Għaldaqstant ridna niltaqgħu mal-Kunsilli Lokali biex nifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ kull komunità u niżguraw li dawn l-ispazji miftuħa jkunu verament jistgħu jitgawdew mill-familji u mill-pets tagħhom.”

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern impenjat li jkompli jgħolli l-valur tal-lokalitajiet, u din l-iskema ser tappoġġja lill-Kunsilli Lokali biex ikollhom spazji miftuħa fil-komunitajiet b’parti ddedikata għall-annimali, bħal ġonna b’cat cafés jew dog parks. “Permezz ta’ din l-iskema qed nagħtu opportunità oħra lill-Kunsilli Lokali biex ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet bi proġetti li jkunu ta’ benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għall-annimali domestiċi,” qalet is-Segretarju Parlamentari.

Id-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali Joseph John Vella ppreżenta fid-dettall il-kriterji u l-proċess tal-applikazzjoni, filwaqt li ngħatat informazzjoni prattika dwar l-implimentazzjoni u l-operat tal-proġetti. Barra minn hekk, il-Kap ta’ Project Green, Francoise Chetcuti spjegat ir-rwol tal-entità fil-finanzjament u l-appoġġ tekniku għall-proġetti.

L-iskema tipprovdi sa €50,000 għal kull proġett, b’investiment totali ta’ €750,000, u hija mmirata biex tħeġġeġ il-ħolqien u r-riġenerazzjoni ta’ spazji miftuħa li jintegraw faċilitajiet dedikati għall-annimali. Project Green se tissupplixxi fondi għal dawn id-dog parks u cat cafés, filwaqt li l-Kunsilli Lokali se jieħdu ħsieb l-implimentazzjoni kif ukoll il-manutenzjoni ta’ dawn il-parks hekk kif jitlestew. Kundizzjonijiet japplikaw, fosthom li ż-żona trid tkun ta’ daqs mill-inqas ta’ 1500 metru kwadru, b’20% minnha ddedikata għall-annimali.

Din l-iskema qed tiġi amministrata mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, fejn se jkunu qed jilqgħu l-applikazzjonijiet permezz ta’ sottomissjoni fuq https://animalwelfare.gov.mt/rizorsi/skemi/ sal-31 ta’ Mejju 2026.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport