Fil-31 summit tal-OSCE l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov, indirizza lill-istati membri bil-lingwa Russa u kkonfronta lill-Punent billi wissa li t-tensjonijiet preżenti jistgħu jeskalaw. Fid-diskors tiegħu Lavrov qal li l-prospetti ta’ djalogu ta’ paċi qegħdin dejjem jonqsu hekk kif il-konflitt mal-Ukrajna qiegħed jippersisti.
F’dan is-summit qiegħed isir aċċenn qawwi fuq id-drittijiet u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, professjonisti li jidħlu b’ruħhom u ġisimhom jirrapportaw anke gwerer. Ir-Russja hija wkoll fil-mira fir-rigward.
Fil-fatt, dan il-pajjiż huwa l-ħames l-aktar pajjiż li għandu ġurnalisti fil-ħabs, inkluż 19 Ukreni li ġew arrestati f’territorji okkupati llegalment. Ir-Reporters Without Borders (RSF) qegħdin jisħqu mal-istati membri kollha tal-OSCE biex jitolbu l-ħelsien mill-arrest ta’ dawn il-ġurnalisti.
Fid-diskors tal-ftuħ tal-plenarja tal-lum, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ian Borg, ukoll saħaq fuq id-drittijiet u l-ħarsien tal-ġurnalisti.