Sunday, December 14, 2025

LE GĦAL ABBUŻ SESSWALI FUQ IT-TFAL !

- Jikteb l-MEP Alex Agius Saliba

Aqra wkoll

Ftit ġranet ilu inbdew in-negozjati bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-liġi sabiex nipproteġu t-tfal tagħna minn abbuż sesswali mwettaq permezz ta’ mezzi elettroniċi.  Liġi bżonnjuża ferm, speċjalment sabiex niġġieldu l-fenomenu fejn adulti b’intenzjonijiet malizzjużi u moqżieża jagħmlu profili foloz u jagħmlu ta’ birruħhom tfal sabiex jiksbu aċċess innoċenti u kunfidenzjali mat-tfal tagħna.  Barra minn hekk, mezzi elettroniċi huma l-mod ewlieni li permezz tiegħu jiġu mxerrda ritratti u filmati ta’ tema sesswali, inkluż dawk miġbuda illegalment fuq it-tfal.

Il-protezzjoni tat-tfal tagħna hija l-iktar suġġett li nistgħu naqblu fuqu ilkoll ikun x’ikun it-twemmin tagħna u għalhekk mhux faċli li wieħed jifhem li anki fuq hekk jista’ jkollna kontroversja politika.  Naturalment, m’hemm l-ebda kontestazzjoni dwar ir-rieda li nwettqu din il-liġi, madanakollu, minkejja r-rieda ġenwina sabiex nimplimentaw din il-liġi mill-iktar fis possibbli ma nistawx naċċettaw li l-urġenza tintuża sabiex jiddaħħlu miżuri perikolużi li jiksru d-dritt tal-privatezza tagħna ilkoll.  Il-Kunsill Ewropew qed jissuġġerixxi li kull messaġġ jew ritratt mibgħut privatament jibda jiġi skennjat b’sistemi mħaddma permezz tal-AI sabiex jiġi vverifikat jekk jikkonsistix f’materjal potenzjalment illegali.  Jekk tiġi aċċettata l-proposta tal-Kunsill inkunu għamilna pass lura fid-drittijiet tagħna għal privatezza, fejn preżentement pjattaformi bħal Whatsapp u Signal qed jiggarantixxu privatezza assoluta permezz ta’ sistema magħrufa bħala “End-to-End Encryption”.  B’din is-sistema ħadd, lanqas il-pjattaformi nfushom, ma għandu mezz sabiex jikseb aċċess għall-informazzjoni li nibgħatu.  

Il-proposta tal-Kunsill hija inaċċettabbli għal diversi raġunijiet.  L-ewwel nett ma nistgħu qatt naċċettaw li l-AI jingħata setgħa awtonoma flok il-qorti jew il-Pulizija li jiddeċiedi f’liema każijiet hemm bażi li tinbeda investigazzjoni.  Barra minn hekk, l-AI jaħdem permezz ta’ algoritmi li jistgħu faċilment jiddeterminaw li ritratti mibgħuta b’mod ġenwin huma ta’ natura pornografika, bħal per eżempju ritratti meħuda fis-sajf fejn it-tfal ikollhom ftit ħwejjeġ.  Mhux aċċettabbli li ġenituri jispiċċaw taħt investigazzjoni minħabba li jibgħatu ritratti tat-tfal tagħhom lil xulxin.    Din il-proposta hija fuq kollox inaċċettabbli għaliex toħloq preċedent serju.  Għalkemm il-mekkaniżmu propost jiġi ntrodott għall-ewwel darba sabiex jindirizza theddida ġenwina u ġustifikata, iktar il-quddiem il-preċedent iservi sabiex jibda jintuża għal raġunijiet iktar frivoli jew mhux ġustifikati.  Agħar minn hekk, dawn il-miżuri ta’ sorveljanza passiva jiġu mħaddma minn kumpaniji tal-Big Tech li l-interess ewlieni tagħhom huwa li jagħmlu profitt minn kull ħidma li jwettqu. 

Il-proposta tal-Kunsill mhux l-uniku mezz sabiex tiġi indirizzata t-theddida tal-abbuż tal-minorenni.  Hemm bosta miżuri ta’ prevenzjoni li jistgħu jiġu adottati biex niżguraw li t-tfal tagħna qatt ma jispiċċaw fin-nasba ta’ min jixtieqilhom id-deni.  Il-fornituri ta’ pjattaformi jistgħu jiġu imġiegħla jdaħħlu funzjonijiet fis-sistemi tagħhom li b’mod awtomatiku jiggarantixxu iktar sigurtà għat-tfal, jaċċertaw l-età tal-individwi li jużaw il-pjattaformi, u jżidu l-għodda ta’ kontroll għall-ġenituri inkluż permezz ta’ mekkaniżmi ta’ notifika f’każ ta’ attività suspettuża.  Fl-istess waqt fil-Parlament Ewropew qed tiżvolġi diskussjoni dwar jekk għandniex nipprojibixxu lill-minuri milli jaċċessaw uħud mill-pjattaformi onlajn li huma meqjusa ta’ periklu kbir għalihom.

Kull miżura ta’ kontroll introdotta b’għan nobbli sabiex tagħti serħan il-moħħ tista’ tispiċċa tiġi użata b’mod li jikser id-drittijiet fundamentali tagħna jekk il-liġi li tintroduċi l-kontroll ma jkollhiex is-salvagwardji kollha dovuti.  Il-mezzi alternattivi li jistgħu jiġu utilizzati sabiex tiġi ivverifikata l-età ta’ min juża s-servizz jistgħu ukoll iservu sabiex tinġabar informazzjoni privata dwar it-tfal tagħna jekk ma jiġux imħaddma skond l-aħjar prassi fis-suq.  Kien proprju għalhekk li aċċettajt li nkun is-Shadow Rapporteur f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi; għaliex nemmen li t-tfal tagħna jixraqilhom l-aħjar protezzjoni kif ukoll garanzija ta’ privatezza assoluta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport