Nhar l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament intemm it-tieni qari ta’ liġi li ser tirregola u żżomm responsabbli lil min jabbuża jew jipprova jweġġa’ lil persuna oħra onlajn u se tagħti protezzjoni lill-vittmi li jkunu għaddew minn cyber bullying u cyber stalking. Dawn tal-aħħar ser isiru reat fihom u jġorru piena ta’ minn sena sa 5 snin ħabs, u multa ta’ madwar €30,000. Pieni li jirriflettu s-serjetà ta’ dan ir-reat.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn matulha ngħatat informazzjoni dwar kif jistgħu jissaħħu d-diversi servizzi li joffru l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) lil vittmi li jkunu għaddew minn din il-pjaga.
Fil-fatt, matul is-sena l-oħra kienu rrappurtati madwar 900 każ ta’ abbuż onlajn, b’ħafna minn dawn il-każijiet baqgħu jiġu segwiti b’għajnuna professjonali.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li din il-liġi ser tgħodd għal kulħadd, u tagħmel emfasi ikbar meta l-abbuż isir fuq minuri jew persuni vulnerabbli. “Din hija biss il-bidu minn triq li matulha se nkomplu nsaħħu u naġġornaw fi sfond ta’ bidliet kostanti fit-teknoloġija. Fil-jiem li ġejjin ser inkunu qed nikkomunikaw aktar dettalji ġodda dwar kif din il-liġi ser tkun qed tagħti nifs lil dawk kollha li qed jiffaċċjaw dan it-tip t’abbuż,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti stqarr li l-Fondazzjoni tħaddem numru t’inizjattivi bħal BeSmartOnline, Safer Internet Day u diversi programmi offruti minn skejjel primarji u sekondarji. “Fl-aħħar snin dejjem konna hemm għal kull vittma, u bidliet bħal dawn ituna aktar kuraġġ sabiex nagħtu direzzjoni, u ma nħallux l-effetti negattivi jikbru, jiddeterjoraw u jikkumplikaw aktar minn kemm suppost,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti.