Friday, March 21, 2025

Le għall-armamenti

Aqra wkoll

Il-pożizzjoni u d-direzzjoni li qegħda tieħu l-Unjoni Ewropea li tinvesti fl-industrija tal-armi permezz ta’ dak propost mill-Kummissjoni Ewropea u magħruf bħala ReArm Europe, mhux kompatibbli ma’ dak li temmen Malta. Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela hija ċara daqs il-kristall: Malta mhux se tixtri armi letali u munizzjon, u lanqas mhi se tibgħat suldati għall-gwerra. Dikjarazzjoni akkumpanjata mill-fatt li l-Prim Ministru vvota kontra x-xiri, is-self u l-produzzjoni tal-armi u l-munizzjon.

Malta se tkun eskluża milli tieħu sehem fir-ReArm Europe. Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-mexxejja Ewropej li saret riċentement hemm referenza speċifika għall-pożizzjoni ta’ Malta, li għandha obbligi kostituzzjonali, u b’hekk qegħda tippreserva n-newtralità u n-non-allinjament.

Il-Prim Ministru kien ċar. Pajjiżna mhux se jkun responsabbli mqar għal ċenteżmu wieħed li pajjiżi oħrajn se jonfqu fl-armi. Malta mhux se tidħol fid-dejn li se jagħmel ħaddieħor, li iktar moħħu biex jinvesti fl-armi milli fin-nies.

Sadattant tajjeb li naraw x’qed ikun rappurtat dwar il-pjan tal-Unjoni Ewropea, partikularment f’liema sfond qegħdin ikunu proposti l-affarijiet. Il-ġurnal influwenti ‘Financial Times’ nhar it-Tnejn 10 ta’ Marzu, 2025 irrapporta li kważi żewġ terzi tal-armamenti impurtati minn pajjiżi Ewropej membri tan-NATO fil-ħames snin li għaddew kienu Amerikani. L-importazzjoni ta’ dawn l-armamenti minn pajjiżi Ewropej bejn is-sena 2020 u s-sena 2024 komparati mal-ħames snin ta’ qabel aktar minn irduppjat. Dan ġie attribwit għas-sitwazzjoni maħluqa mill-invażjoni Russa fl-Ukraina. L-Istati Uniti pprovdew 64% ta’ dawn l-armamenti, persentaġġ li juri żieda ta’ 12% fuq dak provdut bejn l-2015 u l-2019.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen trid li tissellef €150 biljun biex tnaqqas id-dipendenza fuq armamenti mixtrija mingħand pajjiżi barra mill-blokk.

Il-ġurnal irrapporta wkoll li l-fond ta’ €150 biljun żviluppa fi tragward ieħor bejn ‘il-battalja’ li għandhom bejniethom Franza u l-Ġermanja dwar dak propost, ReArm Europe, u dwar jekk dan għandux jinkludi pajjiżi li huma barra mill-blokk.

Inħalli dan hemmhekk u niġbidlek l-attenzjoni għal dak li għadu għaddej fil-Medda ta’ Gaża min-naħa tal-militar Iżraeljan bl-iskuża li jkunu qegħdin ifittxu kif jeħilsu minn membri tal-Hamas. Skuża li serviet biex inqerdu sptarijiet, skejjel, impjanti tal-enerġija, qerda li ovvjament wasslet għal imwiet ta’ eluf ta’ Palestinjani innoċenti, tfal, nisa, anzjani filwaqt li eluf kbar oħra tħallew mingħajr saqaf fuq rashom.

Waħda mill-aħħar mossi atroċi min-naħa ta’ Iżrael fil-konfront ta’ Gaża kien li qatgħu l-provvista tal-elettriku bil-konsegwenza kollha li mossa bħal din iġġib magħha. Sadattant il-President Amerikan Donald Trump għadu jħammem dwar kif ikeċċi mill-Medda ta’ Gaża madwar 2.5 miljuni Palestinjani filwaqt li jordna lil pajjiżi ġirien biex jeħduhom bħala refuġjati. Bħal donnha Gaża hija territorju Amerikan!

Tinnota imma kif il-mezzi tax-xandir affarijiet bħal dawn jagħtuhom l-inqas importanza, jekk jagħtuhom? Tinnota li għalihom il-Palestinjani qishom xi razza inferjuri? Bħal donnu l-Palestinjani mhux bnedmin bħal u daqs bnedmin oħrajn. Bħal donnu l-ommijiet Palestinjani ma jħossux għal uliedhom bħalma jħossu l-ommijiet Amerikani u Ewropej. Bħal donnu l-eluf ta’ tfal li nqatlu u għadhom qegħdin jinqatlu mhux tfal bħal tfal Amerikani u Ewropej imma dubbien.

Meta se jitgħallem il-bniedem li mill-gwerer m’hu se jieħu xejn u li isbaħ mill-paċi u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi m’hawnx? Ma jaħsbux dawn il-kbarat li jkun ferm u ferm aħjar li l-biljuni u x-xjenza jużawhom fir-riċerki kontra l-mard u mhux fil-produzzjoni ta’ armamenti ta’ qerda?

L-għajta għandha tkun waħda: Le għall-armamenti.

[email protected]

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport