Monday, October 6, 2025

“Le tfisser le… l-akkużat għandu jaffaċċja l-id iebsa tal-Qorti”- l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fis-sentenza

Aqra wkoll

“Dan it-tip ta’ komportament ma jista’ jiġi qatt aċċettat f’soċjetà demokratika. L-akkużat għandu bżonn jifhem darba għal dejjem li hu m’għandu qatt jikkonsidra ruħu superjuri għas-sieħba tiegħu, tkun min tkun u jenforza ruħu fuqha kontra x-xewqa tagħha. Il-“le” tas-sieħba tiegħu għandha tfisser “le” u għalhekk proprju minħabba dan l-aġir kriminuż, diżrispettuż, abbużiv u ta’ stmerrija li l-akkużat għandu jaffaċċja l-id iebsa tal-Qorti fil-piena li se tkun imposta fil-konfront tiegħu”. 

Kienet l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li qalet dan f’sentenza li tat il-ġimgħa li għaddiet fi tmiem ġuri li fih raġel ta’ 43 sena nstab ħati li stupra lill-eks sieħba tiegħu f’latrina fiż-Żejtun u kien ikkundannat 22 sena priġunerija. Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn it-3 u l-4 ta’ Frar tas-sena 2023. 

Wara li semgħet il-provi, l-Imħallef Scerri Herrera nnotat li dan kien każ klassifiku ta’ vjolenza domestika fejn l-akkużat huwa l-bniedem dominanti f’din ir-relazzjoni fejn issoġġetta lill-mara għall-ordnijiet tiegħu. “B’dan sabiex ir-rieda tiegħu tieħu sopravent fuq dak mixtieq mis-sieħba tiegħu, il-vittma f’dan il-każ.”

Il-Qorti rriżultalha wkoll li l-mara kienet persuna fraġli, vulnerabbli u għaddiet minn diversi esperjenzi negattivi f’ħajjitha fejn saħansitra kienet tkeċċiet mid-dar t’ommha, spiċċat tgħix f’diversi xelters u tiddependi minn ħniena ta’ terzi. “Il-vittma kienet dipendenti fuq l-akkużat kemm emozzjonalment, kif ukoll finanzjarjament u tant kienet magħfusa li kif tghid hi lanqas kellha flus biex tixtri ħwejjeġ u sahansitra biex tiekol, kienet tmur f’ Dar Papa Franġisku. 

“L-akkużat ma hemmx dubju illi abbuża minn din il-fiduċja sabiex jissodisfa iż-żiena tiegħu u ħass li kellu kmand fuq il-ġisem tas-sieħba tiegħu tant li b’mod umiljanti ssoġġetta għas-sess anali go latrina. Mhux hekk talli anke waqt is-sess li seħħ kontra l-volontà taghha, huwa aggrediha tant li spiċċat b’feriti fuq ġisimha. Dan ma kienx biżżejjed għaliex l-aggressjoni tiegħu fuqha rrepeta ruħu ftit jiem wara barra l-Lidl meta għal darb’ohra kkagunalha feriti,” kompliet tgħid il-Qorti.

L-Imħallef Scerri Herrera nnotat ukoll kif minn eżami tal-fedina penali tal-akkużat, jirriżulta li huwa kien diġà nstab ħati li aggredixxa lill-vittma u kkaġunalha ġrieħi fuq persuntha u kien ikkundannat 30 xahar priġunerija. 

Żiedet li “l-Qorti hija konxja tal-fatt illi hija għandha żżid il-piena fir-rigward tar-reati illi tagħhom qed jinsab ħati minhabba l-aggravanti però għandha diskrezzjoni tagħha jekk għandhiex iżżid il-piena bi grad jew tnejn għaliex huwa recediv. F’dan il-każ minħabba li din mhux l-ewwel darba li l-akkużat abbuża mill-vittma, illi r-reati seħħew fi żmien propju meta l-vittma kienet tqila bit-tarbija tiegħu u fiż-żmien meta kienet totalment dipendenti fuqu, il-Qorti hija tal-fehma illi piena m’għandhiex tingħata lejn il-minimu tagħha, għalkemm dejjem fil-parametri tal-liġi.”

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti kkundannat lill-akkużat għall-piena ta’ 22 sena ħabs u obbligatu sabiex bl-ebda mod ma jikkomunika jew javviċina lill-istess vittma taħt penali ta’ €2,000. 

Il-Qorti żiedet tirrimarka li waqt li l-akkużat kien qiegħed il-ħabs huwa xorta kkomunika mal-vittma diversi drabi meta din kienet xhud tal-prosekuzzjoni, ħaġa li ma kellha ssir qatt. Għalhekk ordnat li din is-sentenza tigi kkomunikata lid-direttur tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jiehu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ma jkun hemm l-ebda kuntatt tal-ebda tip bejn l-akkużat, illum ħati u l-vittma.

Il-Qorti ordnat ukoll id-divjet tal-pubblikazzjoni ta’ isem u l-konnotati tal-vittma u tal-akkużat minħabba li l-partijiet għandhom minuri bejniethom f’kull mezz tax-xandir sabiex b’hekk ma jkunux jistgħu jiġu identifikati u l-minuri jibqa’ protett u mhux identifikat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport