Wednesday, October 30, 2024

League Cup III Round: Il-holders Liverpool jikkwalifikaw bl-għoti tal-penalties

Aqra wkoll

Meta qed jintlagħab it-tielet round tal-League Cup, il-holders Liverpool ikkwalifikaw meta għelbu lil Derby County 3-2 bl-għoti tal-penalties wara li spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals.

Ir-Reds taw iċ-ċans lil bosta players żgħażagħ li xorta waħda ddominaw dan il-konfront bl-avversarji jkunu magħluqin fil-kaxxa l-kbira tagħhom biex jirreżistu għall-pressjoni tagħhom. Dawn iż-żgħażagħ għamlu kollox tajjeb minbarra skorjaw. 

Imbagħad l-eroj ta’ Liverpool kien il-goalkeeper Caoimhin Kelleher li laqa’ tliet penalties li kollha kienu destinati għar-rokna tax-xibka. 

Man City v Chelsea – Fl-aqwa partita ta’ dan ir-round, Manchester City għelbu lil Chelsea bl-iskor ta’ 2-0. Iżda fil-veritá, kienu Chelsea li tilfu din il-logħba minħabba li sakemm kienu għadhom fi draw ta’ 0-0, huma fallew erba’ ċansijiet tad-deheb fejn sabu lill-goalkeeper Stefan Ortega f’burdata mill-aqwa fejn salva goals ċerti fuq Christian Pulisic u Lewis Hall. 

Iż-żewġ goals waslu minn Riyad Mahrez (53) u Julian Alvarez (58). 

Arsenal v Brighton – Il-leaders tal-Premier League, Arsenal, sfaw megħluba f’darhom minn Brighton bl-iskor ta’ 3-1. L-iskorers tas-Seagulls kienu Danny Welbeck (27 pen), Kaoru Mitoma (58) u Tariq Lamptey (71) wara li Edward Nketiah (20) fetaħ l-iskor għall-Gunners. 

Newcastle v C. Palace – Newcastle United għelbu lil Crystal Palace 3-2 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ mingħajr goals. Peró dan il-konfront xorta waħda kien wieħed spettakolari fejn iż-żewġ timijiet resqu viċin diversi drabi biex jiftħu l-iskor. 

Nottm F. v Tottenham – Tottenham sfaw eliminati minn din il-kompetizzjoni meta marru għand Nottingham Forest u ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals jaslu minn Renan Lodi (50) u Jesse Lingard (57). 

Southampton v Sheffield W. – Southampton, li għandhom kif keċċew lill-coach Ralph Hasenhuttl, għelbu lit-team taċ-Championship 6-5 bl-għoti tal-penalties wara li spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Kien Josh Windass (24) li fetaħ l-iskor għall-Owls iżda James Ward-Prowse (45 pen) kiseb id-draw għas-Saints. 

West Ham v Blackburn – West Ham sfaw eliminati mit-team taċ-Championship Blackburn 10-9 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 2-2. 

Għal Blackburn skorjaw Jack Vale (6) u Ben Brereton (88) filwaqt li Pablo Fornals (38) u Michail Antonio (78) skorjaw għall-Hammers. 

Wolves v Leeds – F’partita kumbattuta, Wolves għelbu lil Leeds bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal rebbieħ jasal ħames minuti mit-tmiem mis-sostitut Boubacar Traore. 

Sport