Saturday, August 23, 2025

Learning hub ġdid fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Aqra wkoll

Il-ħidma ta’ rinnovar u titjib fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mhux biss qiegħda twassal għal titjib fl-ambjent għall-ħaddiema u għall-persuni li jgħixu fil-Faċilità, imma qiegħda tagħti l-ħajja wkoll lil proġetti li qegħdin isaħħu l-aspett ta’ riabilitazzjoni. Dan jista’ jsir, għaliex il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin illum hija ħielsa mid-droga, b’aktar ordni, li minnha jgawdu l-persuni fil-Faċilità għaliex tista’ tingħata aktar attenzjoni lir-riabilitazzjoni. ​​

Xhieda ta’ dan huwa t-tieni l-learning hub fil-Faċilità li huwa mgħammar bi klassijiet moderni u b’dak kollu meħtieġ biex ikun jista’ jintuża għall-edukazzjoni u t-taħriġ, tal-persuni li jgħixu fil-Faċilità. Il-Hub ser jospita firxa differenti ta’ suġġetti, fosthom l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika kif wkoll l-ICT u ħiliet diġitali.

Il-persuni li jgħixu fil-Faċilità ser ikollom ukoll lezzjonijiet f’suġġetti vokazzjonali bħal hairdressing, ħjata, u disinn ta’ siti web. Se jkun hemm ukoll enfasi fuq korsijiet li jżidu l-impjegabbiltà u integrazzjoni bħal kitba ta’ CV u workshops dwar żvilupp personali.

Bħalissa, madwar 10 edukaturi qed jagħtu lezzjonijiet fis-CSA. Ma’ dawn wieħed irid iżid l-edukaturi minn istituzzjonijiet edukattivi differenti bħal MCAST, Lifelong Learning Directorate kif wkoll ITS.

Librerija wkoll hija bħala parti mill-Hub. Il-librerija tippromwovi l-qari bħala drawwa tul il-ħajja, filwaqt li l-kompjuters u l-faċilitajiet interattivi jenfasizzaw l-importanza tal-ħiliet diġitali, li huma indispensabbli fis-soċjetà moderna. Il-proġett jinkludi wkoll kamra tal-arti li tipprovdi opportunitajiet għal espressjoni kreattiva, li tippermetti lill-persuni li jgħixu fil-Faċilità li jiżviluppaw ħiliet artistiċi u jibbenefikaw mill-valur terapewtiku tal-arti.

Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-learning hub, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, tenna li dan il-Gvern ikkumplimentat mid-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-professjonisti li llum għandha l-Faċilità Korrettiva, għamel u qiegħed jagħmel bidla totali, b’tentattiv ġenwin favur aktar riabilitazzjoni, sabiex dawn il-persuni jirritornaw lura lejn is-soċjetà bħala persuni aħjar.

Il-Ministru fisser dan il-learning hub, bħala wieħed li għandu rwol ewlieni f’din ir-riabilitazzjoni, bl-għan huwa li persuna li tkun qiegħda tiskonta sentenza ta’ priġunerija, titgħallem u titħarreġ. Dan biex ladarba toħroġ lura fis-soċjetà, tkun persuna aħjar, imħarrġa biżżejjed biex issib impjieg u li għalhekk ikollha l-opportunità tgħix ħajja normali u ’l bogħod minn atti li jwassluha lura fil-Faċilità.

Il-Ministru spejga li “Il-ħabs għamilna u għadna qed nagħmlu bidla totali. Minn ħabs bla dixxiplina, bla ordni u bla ebda forma ta’ riabilitazzjoni, illum naħdmu ħafna għax għandna ħabs ordnat, nistgħu niffokaw biex ir-riabilitazzjoni tkun propju l-għan ta’ dan il-post, il-learning hub huwa parti kbira minn dik ir-riabilitazzjoni għaliex nixtiequ li persuna tkun qed tiskonta sentenza ta’ priġunerija tkun tista’ wkoll waqt dik is-sentenza, titgħallem, titħarreġ sabiex ladarba tkun irritornata lura fis-soċjetà tagħna tkun persuna aħjar.” 

Ikkonkluda għalhekk, li dan il-proġett huwa xhieda tal-ħsieb ċar tal-Gvern għall-Faċilità Korrettiva kif ukoll tar-riżultati u l-progress li nkiseb, riżultati li l-Gvern mhux ser jistrieħ fuqhom iżda ser ikompli jibni fuqhom.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Chris Siegersma tenna l-importanza tal-edukazzjoni fil-proċess ta’ riabilitazzjoni. Spjega li jkun b’dan il-mod li verament titwettaq is-sentenza tal-Qorti, billi matul is-sentenza tagħhom il-persuni li jgħixu fil-Faċilità, jingħataw l-għodda kollha permezz tat-tagħlim — kemm akkademiku u dak prattiku —ikunu preparati għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol biex ladarba joħorġu lura fis-soċjetà jkunu jistgħu jgħixu ħajja normali li żżommhom ’il bogħod mill-kriminalità, li jfisser ukoll li jkollna anqas vittmi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport