Monday, December 23, 2024

LeBron James jiskorja u jirbaħ

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sequel “Space Jam: A New Legacy” issorprenda lil bosta fil-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa meta kellu dħul akbar minn dak mistenni.  Il-Warner Bros. antiċipaw dħul ta’ $20 miljun fl-ewwel tlitt ijiem.  Il-verdett kien dħul ta’ $31.6miljun biex anke qaċċat mit-tron lil “Black Widow” li kellu dħul ta’ $26.3 miljun u laħaq iċ-ċifra globali wara tliet ġimgħat ta’ $254 miljun mill-box office globali.

Is-suċċess fit-teatri ta’ “Space Jam: A New Legacy” kien aktar notevoli meta tqis li fl-Istati Unit, l-film kien disponibbli mingħajr ħlas għal kull min hu abbonat fuq HBO Max.  Skont statistika dwar l-attendenza fit-teatri għal dan il-film, 53% tal-biljetti mibjugħa kienu maskili u 52% li daħlu jarawh fit-teatri kienu taħt il-25 sena.  Mhix sorpriża għax il-film hu immirat għat-tfal subien.

Iddebutta wkoll il-film tal-orrur, “Escape Room: Tournament of Champions” li tela’ jokkupa t-tielet post.  Fir-raba’ post niżel “Fast & Furious 9” u “The Boss Baby: Family Business” issa qed jokkupa l-ħames post.  Dan il-film animat kellu dħul sa issa ta’ $44 miljun mit-teatri imma qed jintwera wkoll fuq l-istreaming service Peacock li juri films tal-Universal.

Space Jam: A New Legacy

F’Marzu 1997, kien ħareġ għall-wiri f’Malta “Space Jam”.  Id-direttur hu Joe Pytka, magħruf l-aktar għar-reklami ta’ kumpaniji kbar, fosthom waħda taż-żraben u ilbies sportiv.  Wieħed jista’ jistaqsi: x’kienet l-vera idea wara li tara l-istilla tal-basketball ta’ dak iż-żmien, Michael Jordan, jissieħeb ma’ Daffy Duck, Bugs Bunny u Elmer Fudd biex jirbħu logħba basketball sabiex il-Looney Tunes jirbħu l-ħelsien minn taħt id-difrejn ta’ kriminal?

Wara l-American Football u l-Baseball, il-Basketball hu t-tielet l-aktar sport popolari fl-Istati Uniti.  L-isports professjonali fl-Amerika jiddependi fuq ir-reklami u l-preżenza fuq it-televiżjoni.  Naħseb li “Space Jam” kellu l-iskop li jkompli jsaħħaħ il-preżenza tal-basketball fil-midja u jiġbed aktar tfal lejn dan l-isport.  Kien eżerċizzju intelliġenti u kreattiv.

25 sena wara,  dan l-eżerċizzju hu repetut permezz ta’ “Space Jam: A New Legacy” (Warner Bros.: U).  Huwa film immirat għat-tfal imma fl-istess ħin eżerċizzju ieħor tajjeb biex ikompli jagħmel il-logħba tal-basketball dejjem aktar tappella għat-tfal sa minn ċkunithom.  Billi t-tfal illum huma ossessjonati fuq il-computer games, allura l-film iżewweġ il-basketball mal-computer games.  

Il-protgonist reġa hu wieħed mill-aħjar players professjonali tal-basketball f’dawn l-aħħar snin, LeBron James.  Dan l-istilla jissieħeb mal-karattri tal-Looney Tunes sabiex isalva lill-ibnu Dom (Cedric Joe) minn AI-G Rhythm (Don Cheadle) li jgħix fis-Serververse tal-Warner Bros li jaħtaf lill-missier u t-tifel.  F’dan il-kompjuter hemm l-arkivji ta’ films tal-passat ta’ dan l-istudios.  Rhythm tfassal mill-istess studios u l-iskop f’dan il-missjoni hu li jinħoloq cartoon ta’ LeBron biex minnu tibda franchise oħra ħalli jżidu d-dħul tal-flus.

Din l-idea tat l-opportunità lid-direttur Malcolm D. Lee li jespandi aktar x’jista’ jitfa’ l-film.  Li jkollok xelta akbar ta’ x’karattri tista’ tuża ma tfissirx li l-film jiġi aħjar mill-ewwel wieħed.  Imma l-film hu biżżejjed divertenti sabiex it-tfal b’mod partikolari jieħdu gost jarawh.  Il-karattru li naraw mhumhiex biss dawk tal-Looney Tunes.  Id-direttur idaħħal kull karattru li fuqhom il-Warner Bros. għandhom id-dritt intellettwali.

Jista’ jkun li dan il-film ser iservi bħala pass għall-futur ta’ LeBron James meta jirtira.  Illum għandu 36 sena.  Id-deċiżjoni li jaħdem f’dan il-film ħadha sitt xhur wara li telaq Cleveland Cavaliers biex mar ma’ Los Angeles Lakers  Fil-bidu tal-film għandna montage ta’ x’isarraf LeBron James fil-logħba tal-basketball.  Dan mhux l-ewwel film li jidher fih.  Rajnih ukoll f’“Trainwreck”.  Fil-mument hu involut fil-produzzjoni tal-film “Hustle” li hu sports drama komiku bis-sehem ta’ Adam Sandler u Queen Latifah.

The Boss Baby: Family Business

F’April 2017, konna rajna fit-teatri lokali il-film animat “The Boss Baby” fejn speċi ta’ tarbija speċjali, liebsa libsa sewda qiesu xi wieħed tan-negozju, iġorr briefcase, għandu għajnejh kbar u jfajjar ordinijiet bl-addoċċ.  Meta dan jasal fid-dar tal-ġenituri tat-tfajjel Tim, il-ġenituri jgħidu lil Tim dan kien ħuħ iż-żgħir!  Alec Baldwin jislef il-vuċi lil dan il-karattru li jismu Ted.  Anke minħabba li Alec Baldwin spiss jimita lil Donald Trump fur it-televiżjoni Amerikana, dan il-karattru ta’ Ted kellu xebħ ma’ Trump.

Ispirati mis-sensiela ta’ kotba għat-tfal tal-kittieba Amerikana Marla Frazee, “The Boss Baby: Family Business” hu sequel. Meta Tim (James Marsden) u Boss Baby Ted jikbru, huma jaqbdu triq separta minn xulxin.  Tim jiżżewweġ u jkollu tifla li issa għandha 7 snin u tkun super-intelliġenti.  Din jisimha Tabitha (Ariana Greenblatt).  Ikollu tifla oħra iżgħar li jisimha Tina (Amy Sdaris).  Tabitha tkun tidoliżża lil zijuha Ted li sar CEO ta’ hedge fund.  Mill-banda l-oħra, it-tarbija Tina tkun aġent ta’ Baby Corp. li jkollha missjoni partikolari x’twettaq.

Skont Tina, l-bosses tagħha jkunu bagħtuha biex terġa ġġib flimkien lil Tim u lil Ted sabiex jinvestigaw lill-prinċipal teknoratiku ta’ l-iskola fejn tmur Tabitha.  Dan hu Dr. Erwin Armstrong (Jeff Goldblum). 

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Tom McGrath, “The Boss Baby: Family Business” (DreamWorks Animation: PG) għandu l-mumenti tajba imma jirriċikla l-istess ideat li rajna fl-ewwel film.

Ekonomija

Sport