Saturday, December 21, 2024

Lee Kang-in bbojkottjat wara ġlieda ma’ Son Heung-min

Aqra wkoll

Wieħed mill-iktar players tal-football maħbubin fil-Korea t’Isfel, il-midfielder Lee Kang-in, iffaċċja mewġa kbira ta’ reazzjoni u bojkotts wara l-ġlieda tiegħu mal-captain Son Heung-min.

Qabel it-telfa diżappuntanti ta’ 2-0 kontra l-Ġordan fis-semi-finali tat-Tazza Asjatika fis-6 ta’ Frar, inqalgħet ġlieda bejn Son u Lee, skont rapporti tal-midja.

Lee u diversi players huma rrappurtati li kielu l-ikla tat-team malajr sabiex ikunu jistgħu jilagħbu t-table-tennis.

Son, bħala l-captain tat-team, ma kienx kuntent b’din l-azzjoni peress li l-ikliet ta’ qabel il-logħob kbir ħafna drabi jitqiesu bħala żmien għall-irbit u l-armomija bejn il-players.

Meta Son talab lil Lee u players oħra iżgħar biex jibqgħu mat-team, għaddew kummenti ta’ diżrispett. Dan żvolġa f’battibekk sħun, tant li rriżulta li Son żloga wieħed mis-swaba’.

Għalkemm Lee ħareġ apoloġija lill-partitarji u lil sħabu fuq Instagram il-ġimgħa li għaddiet, l-affarijiet ma kkalmawx għall-midfielder ta’ 23 sena tal-Korea t’Isfel.

Għal dawn l-aħħar jiem, iċ-ċittadini tal-Korea t’Isfel ikkritikaw kontinwament lil Lee. Il-partitarji saħansitra talbu għal bojkott ta’ ditti li jużaw lil Lee.

KT, waħda mill-kumpaniji ewlenin tat-telekomunikaz­zjoni tal-Korea t’Isfel, iddeċidiet li tneħħi lil Lee mill-kampanja ta’ reklamar tagħha.

Lee ffirma ftehim ma’ KT fl-2019 u ġedded il-kuntratt tiegħu x-xahar li għadda.

Fuq il-midja soċjali, bosta partitarji ffirmaw ukoll petizzjoni onlajn, fejn talbu lill-Federazzjoni tal-Football Ko­reana (KFA) biex tipprojbixxi b’mod permanenti lil Lee milli jilgħab mat-team nazzjonali.

Skont il-midja tal-Korea t’Isfel, meta l-KFA tasal għall-konklużjoni tagħha, Lee se jiffaċċja piena qawwija.

Lee huwa wieħed mill-aqwa talenti tal-football fil-Korea t’Isfel, wara li rebaħ l-unur tal-Aħjar Player fit-Tazza tad-Dinja tal-U20 fl-2019. Bħalissa qed jilgħab mal-akbar club ta’ Franza, Paris St-Germain.

Son baqa’ sieket dwar l-inċident, u fl-aħħar intervista tiegħu tkellem biss dwar il-club tiegħu Tottenham Hotspur.

Ekonomija

Sport