Leeds United irrifjutaw l-offerta inizjali ta’ Barcelona ta’ £29 miljun għall-winger Brażiljan tagħhom, Raphinha.
Iż-żagħżugħ ta’ 25 sena kien marbut ma’ ċaqliq ‘il bogħod minn Elland Road matul dawn l-aħħar ġimgħat, u t-team Katalan għamel l-ewwel pass fit-tellieqa li jakkwistah.
Madankollu, huwa mifhum li t-team mill-Premier League rrifjuta l-offerta ta’ €35m, u minflok qed iżomm għall-klawsola ta’ release ta’ €75m (£62.5m) imdaħħla fil-kuntratt ta’ erba’ snin tal-Brażiljan li kien iffirma mal-wasla tiegħu mingħand Rennes f’Ottubru 2020.
Raphinha kien wieħed mill-ftit elementi pożittivi fi staġun diffiċli għat-team minn Yorkshire sa dan il-punt, bid-disa’ goals tiegħu fil-kampjonat jarawh fil-quċċata tal-klassifika tal-goals tal-club.
Bħala riżultat tal-wirjiet tiegħu minn meta ingħaqad għal madwar £15-il miljun mingħand Rennes sentejn ilu, clubs bħal Liverpool, Chelsea u Bayern Munich ukoll ġew marbuta b’interess, għalkemm ir-rapport ikompli b’kif Raphinha qed iżomm għal trasferiment lejn Barcelona, wara li ta struzzjonijiet lill-aġent tiegħu biex isseħħ din il-mossa.
Wara li kellu jiġi sfurzat barra mill-iskwadra tal-Brażil għall-partiti ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja matul din il-waqfa internazzjonali minħabba li kien infettat bil-Covid-19, Raphinha se jerġa’ jkun fl-azzjoni għal Leeds meta jilqgħu lil Southampton fit-2 ta’ April li ġej.