Leeds United huma viċin il-ħatra tal-ex coach ta’ RB Leipzig, Jesse Marsch, bħala s-suċċessur ta’ Marcelo Bielsa f’Elland Road.
Wara t-telfa kbira ta’ 4-0 kontra Tottenham Hotspur, nhar is-Sibt, Bielsa huwa maħsub li jisnab viċin li jitneħħa minn Leeds wara kważi erba’ snin fit-tmun tagħhom bħala manager.
It-team immexxi mill-manager ta’ 66 sena tilef kull waħda mill-aħħar erbgħa partiti tagħhom fil-Premier League, fejn sofra 17-il goal fil-proċess, u huma biss żewġ punti distakk miż-żona ta’ relegazzjoni fejn anke lagħbu żewġ logħbiet aktar minn Burnley li jinsabu fit-18-il post.
Huwa mifhum li Leeds huma “qrib” li jilqgħu lil Marsch fil-club bħala s-suċċessur ta’ Bielsa.
Il-coach Amerikan gawda minn esperjenza ta’ sentejn ta’ suċċess ma’ Red Bull Salzburg qabel ħa post Julian Nagelmann ma’ RB Leipzig, imma rebaħ biss sebgħa mill-20 logħba tiegħu responsabbli mit-team u tkeċċa f’Diċembru li għadda.
Bielsa mexxa 170 logħba għal Leeds minn meta ħa t-tmun tal-club lura fl-2018 – fejn rebaħ 81 minnhom u għenhom jiksbu l-promozzjoni għall-Premier League bi 93 punt fil-kampanja trijonfanti tagħhom fiċ-Championship fl-istaġun 2019-20.