Fl-ewwel erba’ logħbiet mill-ħames round tal-FA Cup, Leicester City u Leeds United sfaw eliminati waqt li Manchester City għaddew għall-kwarti-finali wkoll.
Meta kienu qed jilagħbu f’darhom, Leicester sfaw megħluba 2-1 minn Blackburn taċ-Championship fejn ir-Rovers marru żewġ goals minn fuq permezz ta’ Tyrhys Dolan (35) u Sammie Szmodics (52) waqt li Kelechi Iheanacho (67) naqqas id-distakk għall-Foxes.
Leeds marru għand Fulham fejn dawn rebħu 2-0 b’goal f’kull taqsima minn Joao Palhinha (21) u Manor Solomon (56).
Iċ-champions Manchester City kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra Bristol City taċ-Championship fejn għalihom Phil Foden (7, 74) skorja doppjetta waqt li Kevin De Bruyne (81) issiġilla r-rebħa.
Fil-logħba l-oħra Brighton marru għand Stoke City taċ-Championship ukoll u ħarġu rebbieħa b’goal minn Evan Ferguson (30).