F’intervent li għamel f’sessjoni speċjali ta’ EkoSkola fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela wera x-xewqa li dak li jemmnu fih it-tfal iressquh ’il quddiem biex ikun inkluż fil-Viżjoni Malta 2050.
“Kien hemm min semma l-Malta Vision 2050. Dan hu dokument li nixtieq li dak li tħaddittu dwaru llum, tinkluduh fil-konsultazzjoni pubblika li għandna bħalissa għaddejja. Dan sabiex meta fit-tielet kwart ta’ din is-sena jkollna d-dokument finali, l-Envision 2050, tinkludi fiha dak li preparajtu llum,” qal il-Prim Ministru.
Huwa ddikjara li jemmen li din is-sessjoni t’EkoSkola hi waħda mill-isbaħ sessjonijiet li jkollhom matul is-sena fil-Parlament. Qal li dan jgħidu b’konvinzjoni għaliex meta jisma’ l-interventi profondi, studjati u ppreparati ta’ dawn l-istudenti, jimtela’ bil-kuraġġ ta’ kemm dan il-pajjiż għandu futur sabiħ quddiemu. “L-ideat brillanti li stajt nisma mingħandkom, nemmen li huma t-triq il quddiem għal dan il-pajjiż.”
Intqal li ssemmiet Kemmuna, bil-Prim Ministru jgħid li bħalissa għaddej eżerċizzju biex ikun hemm limitu ta’ persuni li jistgħu jkunu fuq dik il-gżira fl-istess waqt. Qal li dan kien eżerċizzju meħtieġ u l-Gvern jinsab fi stadju avvanzat li jimplimentah.
Issemmew ukoll il-proġetti ta’ enerġija rinovabbli bħall-irdieden tar-riħ fuq il-baħar, bil-Prim Ministru jgħid li “ninsabu f’fażi avvanzata biex eventwalment ikun jista’ joħroġ it-tender dwarhom.”
Dwar il-fast ferry, Dr Abela qal li dan huwa proġett li ħadem u qed jagħmel differenza kbir lil tant u tant Għawdxin. “Il-ħsieb issa huwa lii noħolqu stops differenti fosthom fil-moll li nbena f’San Pawl il-Baħar biex dan it-trasport differenti nkunu nisgħu nqabbduh aktar,” qal il-Prim Ministru.
Finalment, Dr Abela tkellem dwar l-iskart u semma kif bħalissa għaddej proġett li jinsab fil-fażi ta’ procurement tiegħu sabiex mill-iskart noħolqu riżorsa ġdida dik tal-enerġija.
Huwa temm billi rringrazzja lill-istudenti tal-EkoSkola għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom biex itejbu dan il-pajjiż. “Għalhekk ninsab kburi li dan il-pajjiż mhux biss għandu lilkom bħala l-mexxejja tal-futur imma llum diġà għandkom kontribut kbir fit-tmexxija tal-pajjiż kif urejtu llum.”