Monday, May 12, 2025

LEĦEN IT-TFAL U Ż-ŻGĦAŻAGĦ FIL-PARLAMENT

Aqra wkoll

Il-Gvern jagħti importanza lil vuċijiet differenti fil-pajjiż fosthom taż-żgħażagħ u t-tfal. Dan rajnieh joħroġ ċar minn dik li hija x-xewqa tal-Prim Ministru Robert Abela li l-ħolm tat-tfal tal-EkoSkola jiktbuh u jissomettuh biex ikun inkluż fil-Viżjoni Malta 2050. 

Waqt sessjoni oħra ta’ EkoSkola fil-Parlament, il-Prim Ministru nnota kif it-temi li ressqu ’l quddiem dawn l-istudenti kienu profondi, studjati u ppreparati, u dan jimlieh bil-kuraġġ li l-pajjiż għandu futur sabiħ quddiemu.

Fil-fatt, it-temi li tkellmu dwarhom dawn l-istudenti kienu diversi fosthom djar bi prezz raġjonevoli, l-użu għaqli tal-art u l-baħar, l-ippriservar tal-kultura u anke l-impjiegi għall-futur. Temi li normalment nisimgħuhom jiġu diskussi mill-adulti u l-politiċi, iżda meta wieħed jismagħhom minn fomm it-tfal, hija indikazzjoni ta’ dak li huma jiixtiequ jaraw meta jikbru, għal Malta t’Għada.

Dan kollu jmiss b’mod dirett mal-kwalità tal-ħajja, mal-ġustizzja ambjentali u mas-sens ta’ Malta li rridu ngħixu fiha. Għalhekk naqblu li l-fehmiet ta’ dawn it-tfal għandhom ikunu nklużi fid-dokument ta’ Viżjoni Malta 2050, hekk kif bħalissa ninsabu fil-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika. Nemmnu li t-tfal u ż-żgħażagħ mhux biss huma l-ġenerazzjoni tal-lum imma wkoll il-mexxejja ta’ għada. Huma juruna li l-futur diġà qiegħed magħna.

Min-naħa l-oħra, ninnutaw kif fl-aħħar snin, il-Gvern introduċa diversi miżuri biex jiġi żgurat li, sa minn stadju bikri fil-ħajja tagħhom, it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Il-Gvern jagħraf ukoll il-valur tal-isport, mhux biss fl-iżvilupp fiżiku tat-tfal, imma wkoll bħala mezz t’inklużjoni. 

Ma nistgħux ukoll ma nsemmux it-twaqqif tal-Youth Advisory Forum,  sabiex fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li jkunu se jittieħdu, ikun hemm ukoll il-leħen taż-żgħażagħ. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li kull esperjenza li t-tfal u ż-żgħażagħ jgħaddulna hi waħda li għandna x’nitgħallmu minnha u dan għaliex il-viżjoni tagħhom hi meħtieġa wkoll biex ikomplu jittieħdu deċiżjonijiet għall-preżent u l-futur. 

F’dan ir-rigward sar ħafna, iżda għad baqa’ xi jsir. Però dak li sar huwa ċertament fid-direzzjoni t-tajba għal soċjetà aktar ġusta li tirrikonoxxi bil-fatti r-rwol ċentrali tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ dawk li għad iridu jiġu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport