B’vot b’saħħtu fil-Parlament Ewropew, ġew addottati sett liġijiet ġodda, immexxija mill-Membru Parlamentari Ewropew Thomas Bajada, biex il-vuċi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin fl-aħħar tiġi mismugħa mill-istituzzjonijiet Ewropej.
Din il-liġi se tagħti lill-Unjoni Ewropea għodod konkreti biex taġixxi meta pajjiżi terzi jistadu b’mod inġust jew jagħmlu ħsara ambjentali. Infatti, din il-liġi tista twassal sabiex tissanzjona pajjiż terzi milli jagħmel kummerċ mal-Unjoni Ewropea fuq prodotti tas-sajd.
B’681 vot favur, erba’ kontra u erba’ astensjonijiet – maġġoranza meqjusa bħala waħda mill-akbar fl-istorja tal-Parlament Ewropew – il-MPE Thomas Bajada esprima li huwa mċekken bl-appoġġ għal dan il-pass importanti għas-sajjieda Maltin u Mediterranji.
Bħala n-negozjatur ewlieni, u f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, Thomas Bajada sostna li din il-liġi tibgħat messaġġ ċar, hekk kif l-Ewropa mhux se tibqa’ ddawwar wiċċha lejn ir-realtajiet affaċċjati mis-sajjieda Maltin u tal-Mediterran. Huwa sostna li l-Ewropa ma tistax tibqa taħseb biss fis-sajjieda tal-ibħra tat-Tramuntana, imma għandha tiżgura li ssir ġustizzja ma’ kull sajjied Ewropew.
Bajada, sostna li għal żmien twil wisq, is-sajjieda kienu ilhom jitolbu ġustizzja, u issa l-Ewropa qed tisma’ ukoll lis-sajjieda Maltin u Għawdxin li joħorġu fuq il-baħar mingħajr ebda garanzija ta’ qabda u b’riskju ta’ aggressjonijiet minn sajjieda minn pajjiżi terzi li ma jirrispettawx ftehimiet internazzjonali.
Huwa saħaq li mhux aċċettabli li s-sajjieda Ewropej isegwu r-regoli, filwaqt li oħrajn madwarhom ma jagħmlux dan, fejn saħansitra jaggredixxu lis-sajjieda tagħna, u jgħadduha lixxa.
Din il-liġi tagħti d-dinjità, u l-protezzjoni tal-baħar li jagħti l-ħajja, lin-nies li jaqilgħu l-għajxien minnu. Il-liġi se tidħol fis-seħħ wara li tiġi approvata mill-Kunsill tal-Ministri fil-ġimgħat li ġejjin.
L-MPE Bajada, stqarr, “F’isem il-gżejjer fejn trabbejt, f’isem dawk li leħinhom ma jinstemax, qiegħed inwassal leħinhom b’mod f’saħħtu fl-Ewropa. Għax ir-realtajiet tal-Mediterran ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati. Fl-aħħar wasalna – qed niktbuhom fil-liġi Ewropea.” Huwa tenna li l-Ewropa ma tistax tibqa’ ddawwar wiċċha għas-sajjied żgħir li jqum qabel is-sebħ mingħajr ebda garanzija ta’ qabda u għalhekk nistgħu naraw ġustizzja għas-sagrifiċċji tagħhom.