Leicester City qed jippjanaw li jagħmlu offerta għall-ex midfielder ta’ Liverpool Luis Alberto fit-tieqa tat-trasferimenti li jmiss ta’ Jannar.
L-Ispanjol, li qatta’ tliet snin f’Anfield bejn l-2013 u l-2016, ingħaqad b’mod permanenti ma’ Lazio wara li għamel biss disa’ dehriet mal-ewwel team tar-Reds.
Minn dakinhar huwa kiseb tifħir fl-ogħla diviżjoni Taljana, fejn għamel aktar minn 180 dehra għall-Biancocelesti u rreġistra 36 goal u 51 assistenza, u kawża t’hekk beda jiġbed interess minn diversi clubs madwar l-Ewropa.
Il-manager ta’ Leicester, Brendan Rodgers, li ffirma lil Alberto bħala l-manager ta’ Liverpool fl-2013, huwa interessat li jġib lill-player ta’ 28 sena lura fil-Premier League bħala parti mill-iskwadra tiegħu tal-Foxes, bil-club mill-Midlands qed jikkunsidra li jagħmel offerta għalih.
Il-midfielder Spanjol deher f’kull waħda mis-sitt logħbiet tas-Serie A ta’ Lazio s’issa dan l-istaġun, fejn skorja goal u pprovda tliet assists hekk kif huma kisbu 11-il punt.