Saturday, March 21, 2026

‘Lejl Imkebbes’ jerġa’ jdawwal iċ-Ċittadella b’atmosfera maġika

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li l-festival annwali ‘Lejl Imkebbes’ se jerġa’ jittella’ għall-ħames sena konsekuttiva, fiċ-Ċittadella, Għawdex, is-Sibt 28 ta’ Marzu 2026 mis-6pm ’il quddiem.

Din l-edizzjoni, li qed tittella’ b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, mistennija toffri esperjenza unika u memorabbli għal kulħadd, b’madwar 500 metru kwadru ta’ artefatti uniċi mxerrdin madwar iċ-Ċittadella, flimkien ma’ aktar dekorazzjonijiet bix-xemgħat u żewġ attrazzjonijiet ġodda li se jkomplu jsaħħu l-esperjenza viżiva.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “Dan l-avveniment jibdel liċ-Ċittadella f’ambjent maġiku mdawwal b’eluf ta’ xemgħat. ‘Lejl Imkebbes’ mhux biss joffri esperjenza kulturali unika, iżda jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni vibranti matul is-sena kollha. Bla dubju din hija waħda mill-iżjed attivitajiet li tattira viżitaturi lejn Għawdex u għalhekk għal sena oħra nistieden lill-pubbliku biex jingħaqad magħna għal lejla speċjali fil-qalba storika ta’ Għawdex.”

‘Lejl Imkebbes’ illum sar wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju kulturali ta’ Għawdex, li kull sena jiġbed lejh eluf ta’ nies, kemm Għawdxin u Maltin kif ukoll turisti. Matul il-lejl se jkunu organizzati diversi attivitajiet għal kulħadd, fosthom reenactments storiċi u tradizzjonali, dħul b’xejn fil-mużewijiet, ftuħ ta’ siti ta’ interess, mużika kontemporanja u attivitajiet għat-tfal. Fil-foss taċ-Ċittadella se jkun hemm ukoll stands tal-ikel li joffru għażla varjata ta’ ikel Malti u internazzjonali.

Attrazzjoni ewlenija ġdida għal din l-edizzjoni se tkun esperjenza immersiva permezz ta’ projection mapping li tfakkar l-475 anniversarju mill-invażjoni ta’ Għawdex tal-1551. Il-pjazza tal-Katidral taċ-Ċittadella se tinbidel f’xena dinamika ta’ dawl, ħoss u storja, b’wirja li tirrakkonta l-avvenimenti li ffurmaw l-identità u r-reżiljenza tal-Għawdxin. Din il-projezzjoni se tkun murija kull 15-il minuta matul il-lejl kollu.

Id-dħul għall-avveniment huwa bla ħlas u se jkun provdut ukoll trasport b’xejn minn u lejn l-Imġarr.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport