Saturday, August 2, 2025

Lejla Sajfija fil-Park: Wirja ta’ Sostenibbiltà

Aqra wkoll

Lejla Sajfija fil-Park irritornat għar-raba’ edizzjoni tagħha fil-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar. Organizzata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, din l-attività offriet opportunità lill-pubbliku sabiex isaħħaħ aktar il-konnessjoni tiegħu man-natura u jżid l-għarfien tiegħu dwar is-sostenibbiltà.

Dawk li attendew gawdew minn programm varjat, bi stands minn bosta entitajiet u għaqdiet volontarji, kif ukoll attivitajiet sportivi. Is-saħħa u l-benesseri kienu fiċ-ċentru tal-attività, b’tagħrif dwar nutrizzjoni bilanċjata, stil ta’ ħajja attiva, u health checks li kienu provduti.

Il-familji kellhom l-opportunità jsiru jafu aktar dwar is-servizzi offruti lill-komunità u liż-żgħażagħ permezz ta’ esibizzjonijiet u attivitajiet interattivi. Il-pubbliku ngħata wkoll tagħrif dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-opportunitajiet relatati magħhom. Fl-istess waqt rakkont ta’ stejjer u esperimenti live ġibdu l-interess tal-udjenza u ħeġġewhom jesploraw prinċipji xjentifiċi.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li sena wara oħra, il-parteċipazzjoni pubblika kompliet tikber. “Attivitajiet pubbliċi bħal din qed jiġu organizzati sabiex iħeġġu lin-nies ikomplu japprezzaw l-ispazji ħodor tagħna. Permezz ta’ dawn l-avvenimenti mhux biss qegħdin inqajmu kuxjenza dwar is-sostenibbiltà, iżda qegħdin inrawmu wkoll sens ta’ responsabbiltà sabiex nipproteġu u ntejbu dawn l-ambjenti naturali għall-ġenerazzjonijiet futuri,” żiedet tgħid il-Ministru Dalli.

Francine Pace Caruana, Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ministeru, qalet kif, “Din l-inizjattiva għandha l-għan li tkompli żżid l-għarfien dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Barra minn hekk, din l-attività tkompli tibni fuq il-parteċipazzjoni ta’ Malta waqt il-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fejn ġie ppreżentat it-Tieni Rieżami Nazzjonali Volontarju ta’ Malta. Dan jikkonferma mill-ġdid l-impenn tagħna lejn l-iżvilupp sostenibbli kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak globali.” 

Entitajiet mill-istess Ministeru fosthom WasteServ, Project Green, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Ambjent Malta, Circular Economy Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Saving our Blue provdew informazzjoni u pariri prattiċi dwar kif nistgħu nnaqqsu l-iskart, niffrankaw l-ilma, u nipproteġu l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport