Ilu magħruf li l-poplu matul iż-żmien kien beda jnaqqas il-fiduċja tiegħu fil-Qrati saħansitra kien hemm min ma qabilx ma’ xi deċiżjoni tal-Qorti għal xi raġuni jew oħra. Għalhekk il-mistoqsija dejjem kienet u se tibqa’ x’qed iwassal biex għadd ta’ Maltin tilfu l-fiduċja fil-Qrati minkejja kull sforz li sar u għadu jsir mill-Gvern preżenti, partikolarment il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, biex din is-sitwazzjoni tinbidel għall-aħjar.
Forsi għad hawn min jargumenta li meta tidħol il-Qorti taf u meta toħroġ ma tafx b’referenza għad-dewmien biex jintemmu l-proċeduri quddiem il-Qrati. Jekk din hi waħda mir-raġunijiet, illum ma tantx għadha treġi minħabba li ħafna mill-każijiet li kienu pendenti ġew fi tmiemhom u b’hekk il-lista twila ta’ pendenzi fil-Qrati kulma jmur qed tkompli tonqos. Dan għandu għax ikompli jimla lin-nies bil-kuraġġ illi l-Qrati mhux biss jagħtu d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod imparzjali imma wkoll qegħdin iħaffu l-proċess u l-proċeduri tal-kawżi.
Dan ma jfissirx li din il-problema tad-dewmien fil-Qrati ġiet solvuta għalkollox jew se tiġi solvuta mil-lum għal għada, u dan billi għad hemm kawżi li jmorru lura snin twal. F’dan il-kuntest ma nistgħux nifhmu kif l-Oppożizzjoni vvutat kontra emendi kostituzzjonali biex tiżdied l-età tal-irtirar tal-ġudikanti. B’hekk intilef iċ-ċans li l-ġudikanti jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom jisimgħu u jiddeċiedu l-kawżi u tonqos il-lista ta’ stennija.
Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu apprezzati l-isforzi kollha li qed isiru mill-Gvern biex il-proċessi ġudizzjarji jitħaffu kemm jista’ jkun. Minkejja l-progress li sar s’issa, jekk il-faċilitajiet tal-Qrati mhumiex ilaħħqu mal-kawżi li qed ikun hemm, allura nistennew li l-Gvern ikompli kif diġà beda jagħmel meta wessa’ aktar il-faċilitajiet eżistenti b’aktar awli moderni u ġodda, aktar ħatriet ta’ Mħallfin u Maġistrati u kif ukoll sistemi diġitali biex jitħaffu l-proċessi u titnaqqas il-burokrazija.
Nafu li biex dawn jitwettqu jeħtieġu investiment ta’ miljuni ta’ ewro li żgur il-Gvern mhux se joqgħod lura milli jinvesti biex ikompli jtejjeb is-sistema ġudizzjarja. Għalhekk nawguraw illi r-riformi f’dan il-qasam ikomplu jsiru biex il-poplu jkun kuntent bil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-istat.