Ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf. F’dan iż-żmien tal-istaġun it-tendenza tkun li jonqos it-traffiku anke minħabba li diversi ħaddiema f’dawn il-jiem ikunu bix-shutdown.
Però wieħed tajjeb li jibda minn issa jaħseb għal meta l-influss tat-traffiku jerġa’ jiżdied b’mod partikolari meta dawn il-ħaddiema jidħlu lura mix-shutdown.
Nemmnu li dan is-suġġett kien hawn u għad iridu joħorġu ħafna opinjonijiet ta’ x’jista’ jsir biex din is-sitwazzjoni kemm jista’ jkun tiġi mrażżna.
Il-problema tat-traffiku mhijiex biss li tagħmel nofs siegħa, siegħa jew sagħtejn imwaħħal. Insemmu eżempju l-perjodu ta’ meta l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom. Iddur fejn iddur, tipprova kemm tipprova, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna hija waħda li qiegħda toffri sfida lill-entitajiet responsabbli.
Ir-realtà li qed ngħixu llum, hi dik li l-ħajja qed issir wisq mgħaġġla. Għalhekk kulħadd ikun qed jipprova jġebbed il-ġurnata biex forsi jlaħħaq il-lista twila ta’ qadi li jkun lesta – liema lista lanqas tkun possibbli mingħajr appuntament.
Hemm bżonn li nkomplu nxammru l-kmiem biex naħdmu għal aktar sigurtà fit-toroq tagħna. Quddiem dan kollu nemmnu li minflok nattakkaw din il-problema bħala waħda politika, għandna nersqu ’l quddiem bis-soluzzјoniјiet.
Huwa minnu li s-suġġett tat-traffiku joħloq opinjonijiet differenti u dan għaliex il-problema tat-traffiku saret waħda aktar kontenzjuża. Għalhekk huwa tajjeb li bħalissa qed jittieħdu miżuri biex kemm jista’ jkun il-problemi li jġib miegħu l-volum tat-traffiku jiġu minimizzat kemm jista’ jkun.
Ninnutaw il-ħidma li għaddejja fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri mħabbra fl-inizjattiva Reshaping Our Mobility fejn diġà ntlaħqu diversi miri fosthom bi ftehimiet għal xogħol ta’ tindif, manutenzjoni fit-toroq u road markings biex dawn isiru barra l-peak hours. Dan filwaqt li s-servizz tal-linja ġie estiż għaż-żoni industrijali b’riżultati tajbin diġà jkunu rreġistrati.
Inħarsu ’l quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin jidħlu fis-seħħ aktar miżuri minn din l-inizjattiva fl-istess waqt li n-nies ikunu inċentivati wkoll jagħmlu iżjed użu minn mezzi ta’ trasport alternattivi.