Donnu li pajjiżna dara jgħix f’kontradizzjoni sħiħa. Dan meta jitqies il-fatt illi minkejja li l-miżuri li minn żmien għal żmien jittieħdu biex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar, qisu kollox sar fantasija. Dan ngħiduh meta nqisu li l-problemi soċjali li jeżistu f’pajjiżna anke jekk moħbijin, ħafna drabi flok ikunu indirizzati b’mod raġjonevoli mis-soċjetà, insibu waqtiet fejn ħafna qed ikunu bbumbardjati minn reklamar sfrenat li jħajru lin-nies jilagħbu flushom bit-tama li xi darba jirbħu u jgħixu ħajja aħjar milli għandhom.
Tant sitwazzjonijiet bħal dawn huma dannużi illi wassal biex il-Qorti stess, f’sentenza li tat, tiddikjara li r-reklamar ta’ logħob fuq il-midja, inkluż it-televiżjoni, qed iwassal għall-qerda ta’ bosta u joħloq problemi f’diversi familji. Għandna għax nifhmu li l-logħob għall-flus f’pajjiżna kiber, u kiber għax hemm diversi modi ta’ kif isir dan.
Kwalunkwe logħob għall-flus, bil-pubbliċità li jingħata, ħafna drabi jsaħħu l-perċezzjoni fost in-nies li qajla jirrealizzaw illi mal-logħob m’inti rebbieħ qatt. B’hekk, il-problema ma tiqafx u bħal kull qasam soċjali ieħor, tinfirex u tolqot kull settur tat-tessut soċjali.
Skont studji li saru, il-livell ta’ Maltin li jilagħbu flushom huwa fl-istess livell medju tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u b’xorti tajba, f’pajjiżna hawn l-għajnuna kollha li wieħed jista’ jfittex u jsib biex joħroġ mill-vizzju tal-logħob.
F’Malta fortunatament għandna istituzzjonijiet li mhux biss jgħinu lil min jaqa’ għal dan il-vizzju imma kemm-il darba stqarrew li l-logħob tal-ażżard huwa vizzju ikrah u kemm il-konsegwenzi tiegħu huma mifruxin.
Il-logħob irresponsabbli iwassal għall-faqar u l-kriminalità u x’aktarx li fejn il-faqar ikun diġà mifrux ikompli jifirxu u l-kriminalità u l-użura li jġib miegħu ikunu akbar u aktar drammatiċi.
Għalhekk aħna naqblu ferm mal-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Magistrati illi jkun inutli li jkun hemm programmi u inizjattivi oħra bilgħan li jgħinu lil min hu maħkum mill-vizzju tal-logħob jekk imbagħad l-istess inizjattivi ma jkunux ikkumplimentati minn programmi li fl-ewwel lok jipprervenu l-vizzji.
Minkejja li napprezzaw kemm huwa diffiċli li persuna toħroġ minn vizzju li jkun ilu magħha s-snin, aħna fiduċjużi li jekk isiru kampanji edukattivi aktar rigorużi jistgħu jħallu effetti pożittivi fuq dawk ivvizzjati bil-logħob għall-flus. B’dankollu iżda, nemmnu li għandu jsir iktar minn hekk biex dawk li jħobbu jilagħbu flushom u jridu li jibqgħu jagħmlu hekk, almenu jkunu konxji tal-limitu sa fejn jistgħu jaslu u dejjem ikunu responsabbli f’dak li jagħmlu.