Thursday, June 5, 2025

LEJN AMBJENT IKTAR SOSTENIBBLI

Aqra wkoll

L-istatistika dinjija turi li madwar 400 miljun tunnellata ta’ plastik qed jiġi prodott ta’ kull sena, b’nofshom jintużaw darba biss. Minn dawn inqas minn 10% biss qed jiġu riċiklati. Huwa stmat li mal-11-il miljun tunnellata ta’ plastik jispiċċa fl-ixmajjar u fl-ibħra. Din ir-realtà li tagħmel ħsara rreparabbli ambjentali, kienet espressa min-Nazzjonijiet Uniti fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ambjent li qed jiġi ċċelebrat illum, il-5 ta’ Ġnju. 

L-oġġetti kollha tal-plastik li jintremew wara li jintużaw minbarra li jniġġsu huma wkoll problema klimatika għaliex jieħdu għexieren jekk mhux mijiet ta’ snin biex jiddiżentegraw. Il-produzzjoni tal-plastik mhix qed tinqata’ imma sfortunatament qed tkompli tippersisti. 

Lil hinn minn dan, filwaqt li qed naraw żieda fl-enerġija rinnovabbli permezz tal-pannelli fotovoltajċi u mezzi oħra li qed itejbu l-effiċjenza fl-enerġija, sfortunatament għadna naraw Gvernijiet li għadhom jinsistu fuq l-użu tal-fjuwils fossili, fosthom żejt u faħam.

Għalhekk kull gvern, inkluż dak Malti, għandu l-obbligu li jagħmel il-parti tiegħu mhux biss sabiex jonqsu l-emissjonijiet imma wkoll itejbu l-qagħda tal-arja u b’hekk ikun qed jiġi evitat ħafna mard respiratorju. Bħala soċjeta’ għandna d-dmir illi lil ta’ warajna nħallulhom dinja aħjar milli sibna aħna u għalhekk tinbet il-ħtieġa li l-ambjent naturali u fiżiku jkun protett kemm jista’ jkun possibbli.

Huwa kruċjali għalhekk li kull pass u kull miżura li nieħdu b’risq l-ambjent għandu jkun fil-kuntest tal-miri ambjentali stabbiliti mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-obbligi li jnaqqsu kompletament l-emissjonijiet sas-sena 2050. 

F’dan il-kuntest għandna niftakru li permezz ta’ diversi entitajiet bħall-Aġenzija Project Green, Ambjent Malta u l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Ministeru tal-Ambjent issokta b’diversi proġetti sabiex f’pajjiżna noħolqu iżjed spazji miftuħa, inklużi parks u ġonna, sabiex dawn ikunu jistgħu jitgawdew mill-familji Maltin u Għawdxin.

Dan qed isir bħala parti minn pjan fit-tul tal-Gvern sabiex jinħolqu spazji ta’ kwalità fejn in-nies ikunu jistgħu jistrieħu u jgawdu l-ambjent naturali fil-qalba tal-lokalitajiet tagħhom. 

Lil hinn minn din il-pożittivita kollha, xorta nibqgħu nemmnu li kulħadd, kull ċittadin, għandu jagħti sehmu u jaħdem id f’id sabiex pajjiżna jersaq aktar lejn żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli. 

Huwa b’dan il-mod li verament aħna bħala poplu nistgħu nagħmlu differenza u flimkien nistgħu inkomplu niksbu l-għanijiet ta’ pajjiżna bl-aktar mod effettiv, komprensiv u konvinċenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport