Ninsabu f’nofs l-eqqel tas-sajf, madankollu l-ħidma tal-Gvern xorta waħda tibqa’ għaddejja ma taqta’ xejn. Filwaqt li huwa kollu minnu li f’dan iż-żmien tas-sena t-tendenza hi li wieħed inaqqas xi ftit mir-ritmu anke billi jqatta’ ftit ġranet ta’ mistrieħ mal-għeżież tiegħu, b’ħafna kumpaniji jgħalqu għal xi ġranet f’dawk imsejħin ix-shutdowns, il-Gvern ma jistax jieqaf milli jara li r-ritmu ekonomiku jkompli b’ritmu b’qawwi u anke jipprepara minn qabel għal meta terġa’ tissokta l-ħidma parlamentari.
Dan qed ngħiduh għaliex minn hawn u xahrejn oħra, il-Gvern se jkun qiegħed jippreżenta l-budget għas-sena d-dieħla u għalhekk nifhmu li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu impenjattivi ferm b’diversi laqgħat ma’ Ministeri u entitajiet differenti. Dwar dan tkellem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li nnota kif f’dawn il-jiem il-Gvern se jkun iffukat li jfassal Budget ieħor b’saħħtu favur il-familji u n-negozji li bis-saħħa tagħhom għandna ekonomija li qed tkompli toħloq l-ġid u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Bla dubju, għandna għax nifhmu li dan ir-raba’ budget li se jippreżenta l-Gvern f’din il-leġiżlatura se jkompli jibni fuq dawk ta’ qablu speċjalment fil-qasam soċjali. U minkejja li għadu kmieni wisq biex wieħed jazzarda jgħid x’se jkunu l-miżuri ewlenin f’dan il-budget, diġà kien hemm indikazzjonijiet ta’ x’se nkunu qed nistennew minnu.
Minn dak li ħabbar il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, dan se jkun budget ieħor li se jkompli t-tradizzjoni illi la jżid u lanqas se jdaħħal taxxi ġodda. Fl-istess waqt li d-defiċit se jkun qiegħed jerġa’ jonqos.
Għalhekk il-ħidma ta’ pajjiżna trid tkompli biex l-ekonomija ma tnaqqas xejn mis-sostenibilità tagħha, sostenibilità li bniet f’dawn l-aħħar 12-il sena. Aħna magħrufin bħala poplu bieżel li lesti nidħlu għal kull sfida li tinqala’. Dan diġà tajna prova tiegħu kemm waqt il-pandemija u anki waqt li għaddejja gwerra fuq l-għatba tal-Ewropa. Bqajna poplu reżiljenti u għalhekk m’aħniex se naqtgħu qalbna bl-isfidi li għad irridu jew li nistgħu naffaċċjaw. U l-budget li jmiss mistenni jkun prova oħra ta’ dan.