Sunday, December 22, 2024

LEJN BUDGET IEĦOR TA’ SOSTENN GĦALL-POPLU

Aqra wkoll

Fi ftit tal-jiem oħra, nhar it-Tnejn 28 ta’ Ottubru, se jkun qed jiġi ppreżentat il-Budget 2025, li mistenni li jkompli jibni fuq ta’ qablu u li minn dak li smajna sa issa, jidher li se ssir enfasi partikolari fuq is-soċjal.

Se jkun Budget mimli miżuri ta’ benefiċċju li bla dubju, bħal snin oħra, se jsostnu lil dawk l-aktar vulnerabbli u li jinsabu fil-faxex t’isfel tas-soċjetà. Mhux b’inqas lill-klassi medja, fejn anke f’dan ir-rigward l-għajnuna se tkun waħda sostanzjali, permezz tat-tnaqqis tat-taxxi.

Għax jemmen u jisma’ l-vuċi tal-poplu, il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni biex kulħadd ikun jista’ jagħti l-fehmiet tiegħu dwar x’jistenna mill-Budget li wara kollox dan ikollu impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Għamel ukoll sensiela ta’ laqgħat mal-imsieħba soċjali nfushom, fosthom il-General Workers’ Union. Dawn kollha ħarġu bi proposti li fil-fehma tagħhom għandhom ikomplu jtejbu l-qagħda ta’ kulħadd.

Bħalma għamlet dejjem, il-General Workers’ Union kienet fost l-imsieħba soċjali ewlenin li wkoll taw is-sehem tagħhom bi proposti għall-Budget, ta’ x’jifhmu li l-aħjar għandu jsir. L-aktar proposta kruċjali tal-union kienet tirrigwardja l-ħtieġa ta’ viżjoni u pjan nazzjonali ħolistiku. Pjan li jgħaqqad ħolqa ma’ oħra fil-qasam ekonomiku u dak soċjali. 

Il-General Workers’ Union, fil-proposta tagħha, enfasizzat it-twemmin li l-viżjoni ħolistika għandha tkun aktar konverġenti mad-dinja tax-xogħol. Mibnija fuq governanza, edukazzjoni, saħħa, ambjent, l-infrastruttura, inklużjoni u ugwaljanza. Dan ukoll konformi mal-ħidma tagħha fil-qasam trejdunjonistiku, l-aktar il-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema.

Dan ikompli jpoġġi lill-GWU fost l-organizzazzjonijiet primarji ta’ pajjiżna bil-għan li t-tkabbir ekonomiku li qed ikompli jesperjenza pajjiżna, ikompli jsostni x-xibka soċjali ħalli ħadd ma jaqa’ lura, fi żmien meta l-avvanzi teknoloġiċi mgħaġġla mhux biss qed jibdlu d-dinja tax-xogħol imma wkoll qed jolqtu direttament il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin. 

Nistennew li dan il-Budget ikompli jsaħħaħ il-mobilità soċjali li fiha nfisha twassal ukoll biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu, irrispettivament mill-qagħda ekonomika li jkun jinsab fiha. Dan huwa l-bażi tas-soċjaliżmu li jixpruna lill-Partit Laburista fil-Gvern.

Ekonomija

Sport