Monday, November 18, 2024

LEJN BUDGET LI JGĦIN LIL DAWK LI JIFILĦU L-INQAS

Aqra wkoll

Ftit ġimgħat bogħod mill-preżentazzjoni tal-budget għas-sena d-dieħla, hemm aspettattivi għoljin mill-poplu li dan il-budget se jkollu direzzjoni li jiġu megħjuna dawk li jinsabu ‘l isfel fl-iskala soċjali. Fl-istess waqt se jagħti stampa ċara ta’ fejn il-pajjiż irid imur fil-ġejjieni.

Konferma ta’ dan hi d-dikarazzjoni li għamel il-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu li dan il-budget se jiffoka l-iktar u jaħseb f’dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà. Dan se jkun qed isir anke f’kuntest ta’ sfidi bħal dawk li qed ngħixu bħalissa, fosthom dik tal-inflazzjoni kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna.

Wieħed ta’ min ifakkar li sa ftit tas-snin ilu, il-budget kien inissel biża’ fost ħafna setturi. Illum kulħadd qed jitkellem fuq x’se jieħu minn dan il-budget u mhux x’se jeħodlu l-budget. Dan kien dovut għar-reżiljenza ekonomika u soċjali li nbniet fl-aħħar snin f’pajjiżna taħt Gvern Laburista.

F’dan l-isfond, nemmnu li għaż-żmien li ġej, il-Gvern għandu jkompli jassigura stabbilità u serħan il-moħħ għall-familji. Bħalma sar fil-pandemija, fejn il-Gvern serva ta’ tarka u sostenn għall-ħaddiema tagħna ħalli dawn ma jitilfux l-għajxien tagħhom. 

Il-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali tibqa’ kruċjali f’kull deċiżjoni li tittieħed biex tilqa’ għad-diffikultajiet ta’ bħalissa. Diġà rajna jitressqu għadd ta’ proposti minn diversi msieħba soċjali u anke l-General Workers’ Union se tkun qiegħda tagħmel dan fil-jiem li ġejjin.

Ninnotaw ukoll b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar jiem li l-mekkaniżmu tal-COLA mhux se jintmess, xi ħaġa li l-GWU saħqet ħafna dwarha. Dan hu mekkaniżmu maqbul bejn l-imsieħba soċjali kollha u li ilu ħadem tajjeb għal dawn l-aħħar 32 sena.

Il-Prim Ministru nnifsu stqarr li l-prinċipju kien dejjem dak li l-mekkaniżmu jirrifletti qbil bejn l-imsieħba soċjali kollha u żgur li m’għandux jiġi injorat. Min-naħa tagħha, il-GWU qalet li taqbel perfettament mal-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru li kien ċar li l-mekkaniżmu se jibqa’ kif inhu. 

Ninsabu fiduċjużi li l-Gvern b’dan il-budget se jkun qiegħed jilqa’ għall-isfidi li qed jaffaċċja llum u dawk tal-ġejjieni. Dan għaliex minkejja ċ-ċokon tiegħu, pajjiżna għaraf ikun bilgħaqal u l-isfidi ffaċċjahom u dawwarhom f’opportunitajiet. Kovinti li dawn huma miżuri li jassiguraw ġejjieni aħjar għall-poplu tagħna.

Ekonomija

Sport