Wednesday, July 24, 2024

LEJN ERA DIĠITALI

Aqra wkoll

L-importanza tal-ekonomija tal-futur li tkun mibnija fuq id-diġitalizzazzjoni kienet riflessa lbieraħ f’konferenza li trattatukoll il-benefiċċji u anke l-konsegwenzi tal-intelliġenza artifiċjali (AI) li kulma jmur qiegħda tiżvilupp b’modi kważi mingħajr limitu.

Tant li esperti f’dan il-qasam diġà qed iwissu li l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali minn idejn il-bniedem. Madankollu, f’ċertu oqsma, l-AI hija meħtieġa partikolarmant f’oqsma li jolqtu s-saħħa u l-manifattura.

Għalhekk, it-tibdil mgħaġġel li qed isir fid-dinja tax-xogħol se jwassal biex l-AI tkun parti integrali minn din il-bidla. Minkejja kull sfida, nemmnu li
l-ħaddiema m’għandhomx jiġu mnaffra minħabba f’dawn l-iżviluppi.

Anzi, għall-kuntrarju għandhom jingħataw l-għodod kollha biex ikampaw fil-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol. Hawn ta’ min jgħid li hemm ħtieġa li l-Università u istituzzjonijiet edukattivi oħra jkomplu jaħdmu id f’id mannegozji fit-taħriġ lill-ħaddiema.

Dan ngħiduh għax nemmnu li l-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd. Għalhekk
anke aħna bħala Maltin għandna nagħrfu ndawru dawn l-isfidi f’aktar
opportunitajiet. Nemmnu wkoll li s-sehem tal-Gvern huwa kruċjali biex l-investiment li jsir, ikun adattat għal dawn iċ-ċirkostanzi moderni.

B’hekk pajjiżna jkun jista’ jlaħħaq mal-iżviluppi li qed isiru f’pajjiżi oħra meta jitqies li l-ekonomiji huma kważi marbutin ma’ xulxin u jiddependu waħda fuq
l-oħra.

Għalhekk nemmnu wkoll li l-edukazzjoni vokazzjonali għandha tixpruna lil aktar ħaddiema biex jiksbu dawn il-ħiliet li jwassluhom mhux biss biex jibnu karriera imma li jipprovdu għall-għajxien tagħhom ta’ kuljum.

Min-naħa l-oħra, aħna naqblu ma’ dak li qal il-Ministru għall-Ekonomija, l- Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, li l-post strateġiku ta’ pajjiżna flimkien ma’ qafas regolatorju robust u ħiliet ta’ livell għoli tal-ħaddiema qed
ikomplu jippożizzjonaw lil Malta bħala attur ewlieni fl-ekonomija globali.

Għalhekk, ikun tajjeb li biex inkomplu ntejbu l-pożizzjoni li jinsab fiha pajjiżna, inħaddnu r-rivoluzzjoni diġitali.

Ekonomija

Sport