Monday, December 23, 2024

Lejn ftuħ ta’ sena skolastika ġdida

Kenneth Vella

Aqra wkoll

Fi ftit tal-jiem oħra, eluf ta’ studenti Maltin ta’ kull eta’ jirritornaw l-iskola għall-ftuħ ta’ sena skolastika ġdida, żmien eċċitanti mhux biss għal kull min jaħdem f’xi istituzzjoni edukattiva bħali iżda anki għall-istudenti nfushom u t-tfal. Għal uħud mit-tfal l-ewwel jiem tal-iskola huma jiem eċċitanti u ta’ stimolu li matulhom jagħmlu ħbieb ġodda u jsiru jafu aħjar lill-għalliema tagħhom u għal uħud anki l-iskola.

Iżda għal ohrajn, dawn l-ewwel jiem jafu jkunu ta’ sfida u kemmxejn diffiċli, speċjalment għal dawk it-tfal li jkunu bdew l-edukazzjoni tagħhom f’xi istituzzjoni ġdida. Matul l-aħħar għoxrin sena saru hafna studji dwar kif it-tfal, speċjalment dawk ta’ eta’ bikrija, għandhom jiġu megħjuna jambjentaw ruħhom fl-iskola u jkollhom bidu tas-sena tajjeb wara l-waqfa tas-Sajf. Ħafna mir-riċerka waslet għall-istess tip ta’ rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet. 

Jikteb Kenneth Vella

Qabel xejn huwa importanti li qabel l-ewwel jum tal-iskola l-ġenituri u l-kustodji jagħmlu minn kollox biex lil uliedhom idahhluhom f’rutina, speċjalment rutina ta’ ħin bħal per eżempju fiex ħin għandhom jidħlu jorqdu u fiex ħin iqumu fil-għodu għall-iskola. Huwa essenzjali li t-tfal ikollhom biżżejjed siegħat ta’ mistrieħ. Raqda tajba tgħin lit-tfal jaqtgħu ċertu stress relatat mal-ewwel jiem tal-iskola. Jekk it-tifel jew it-tifla jiftħu qalbhom miegħek bhala ġenitur u jistqarru li qiegħed iħossuhom xi ftit eċċitati, kellimhom b’mod pożittiv, taħtafhomx u fakkarhom xi esperjenzi edukattivi sbieħ li kellhom fis-snin ta’ qabel u proġetti li ħadmu fuqhom flimkien ma’ sħabhom u l-għalliema. 

Kull ġenitur għandu jsib ukoll fejn jista, il-ħin li jakkumpanja jew jiġbor it-tifel jew it-tifla mill-iskola. Kun żgura li ibnek jew bintek għandu/għandha idea wkoll dwar kif inhi mqassma l-iskola, fejn hu l-gym, il-bitħa, l-uffiċju tas-surmast u anki postijiet oħra ta’ interess fl-istess binja. B’dan il-mod it-tfal iħossuhom ukoll aktar kunfidenti għax ikunu familjari mal-postijiet importanti fl-iskola. 

Il-bidu ta’ sena skolastika ifisser ukoll ħin dedikat għal xiri ta’ materjal għal użu fl-iskola. Anki dan għandu jkun ħin li fih tikber ir-relazzjoni bejn il-ġenitur u t-tifel jew tifla. It-tfal għandhom jingħataw ukoll ċertu responsabilita’ fix-xiri ta’ dan il-materjal u l-istationery li se jkunu qiegħed jużaw matul is-sena. Dan basta li jsir f’ċertu parametri u jkun hemm certu restrizzjonijiet fl-infieq ta’ dan il-materjal. Huwa importanti li fi tmiem il-jum tal-iskola, speċjalment matul l-ewwel jiem, il-ġenituri jiddedikaw ħin biex jiddiskutu mat-tfal l-andament tal-ġurnata tal-iskola. Madanakollu mistoqsijiet bhal – Kif mort l-iskola ? Kif kienet il-ġurnata llum? huma importanti izda m’humiex biżżejjed. Huwa essenzjali li l-ġenituri jitolbu lit-tfal jelaboraw fit-tweġibiet tagħhom. Fuq kollox bil-mod kif jirreaġixxu juru lit-tfal li qiegħed jieħdu interess f’dak li qiegħed jingħad.  

Xogħol għad-dar

Ħafna drabi jissemma wkoll ix-xogħol li jingħataw it-tfal għad-dar min naħa tal-għalliema. Għalkemm ir-riċerka turi li t-tfal li jingħataw aktar xogħol għad-dar ma jmorrux aħjar minn dawk li jingħataw anqas, huwa importanti li l-ġenituri jieħdu interess fix-xogħol mogħti lil uliedhom. Il-ġenituri għandhom jistaqsu lit-tfal dwar l-attivitajiet u l-proġetti li ħadmu fuqhom l-iskola u fejn hu possibli, xogħol li jkunu għamlu t-tfal l-iskola għandu jiġi esebit madwar id-dar. Fil-fatt fl-aħħar snin daħlet sew l-użanza li ċertu xogħol tat-tfal bħal disinji jiġu mwaħħla ma’ bibien ta’ kmamar jew ma’ aċċessorji li nsibu fil-kċina bħal fridge.

Rwol il-ġenituri

Il-ġenituri jagħmlu tajjeb ukoll jekk iżommu kuntatt u kommunikazzjoni kontinwa mal-iskola. Għandhom jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet organizzati mill-għaqdiet tal-ġenituri jew mit-tmexxija tal-iskola. B’dan il-mod ikunu qiegħed juru lil uliedhom li huma verament għandhom interess fl-edukazzjoni tagħhom, li bħalhom huma kburin b’din l-istituzzjoni edukattiva u fuq kollox attivitajiet bħal dawn jagħtu lill-ġenituri l-opportunita’ li jaqsmu l-ħsibijiet u d-dubji tagħhom ma’ ġenituri bħalhom u anki mat-tmexxija tal-iskola.  

Għall-iskola, it-tfal għandhom jingħataw ikel nutrittiv u li jogħġob lilhom. Anki mil-lunch tal-iskola, il-ġenituri jistgħu jindunaw jekk uliedhom qiegħed ikunux kuntenti l-iskola. Il-ġenituri għandhom jibdew jirriflettu ftit jekk it-tfal iġibu lura ħafna mil-lunch tagħhom u f’sitwazzjoni bħal din għandhom jiġbdu minnufih l-attenzjoni tal-għalliema jew tal-kap tal-iskola. 

Kommunikazzjoni regolari u effettiva 

F’dan il-kuntest nisħaq ukoll kemm hu importanti li jkun hemm komunikazzjoni regolari u kontinwa bejn it-tmexxija tal-iskola, l-għalliema u anki l-ġenituri. Huwa essenzjali li l-ġenituri jżommu kuntatt u kommunikazzjoni miftuħa mal-għalliema ta’ wliedhom. L-għalliema żgur li tinforma jew jinforma lill-ġenituri jekk jinnotaw li t-tifel jew tifla tagħhom ikollu diffikulta’ soċjali, psikoloġika jew fl-istudju. Minn naħa l-oħra anki l-ġenituri għandhom iħossuhom obbligati li jinfurmaw lill-għalliema anki b’xi diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu d-dar minn żmien għal żmien, fosthom mard fil-familja, separazzjonijiet jew tibdil fix-xogħol tagħhom li jafu wkoll joħolqu ċertu ansjeta’ fit-tfal. L-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel huma professjonisti, għandhom ikunu fdati u fuq kollox murija r-rispett li jistħoqqilhom. 

Kuljum il-ġenituri li wliedhom għadhom f’livell primarju, speċjalment fis-snin bikrin, għandhom isibu ħin li jaqraw ktieb jew xi paġni ta’ ktieb ma’ wliedhom. M’għandix għalfejn nisħaq kemm hu importanti l-qari għat-tfal. Dan jgħinhom jitgħallmu jesprimu ruħhom, jgħinhom jitgħallmu kliem ġodda u anki jkunu aktar kreattivi. Fortunatament, illum ħafna libreriji pubbliċi madwar il-gżejjer Maltin għandhom ukoll għażla wiesgħa ta’ kotba ghall-qari, anki bil-lingwa tagħna. Għalhekk huwa essenzjali li matul il-ġimgha l-ġenituri jsibu ħin jieħdu lil uliedhom f’xi librerija pubblika wkoll u jaraw li dawn jagħżlu xi kotba skont il-gost tagħhom u fuq kollox skont l-eta’ tagħhom. Għandhom ukoll jieħdu interess speċjali fil-kotba li jaqraw it-tfal. 

Dawn huma biss suġġerimenti li diversi studji jenfasizzaw bl-għan li t-tfal ikollhom bidu ta’ sena skolastika tajba. Nieħdu l-opportunita’ biex nawguraw is-sena t-tajba lil kull min għandu għal qalbu l-edukazzjoni ta’ wliedna. Nittamaw ukoll li din is-sena ma tkunx affettwata mill-imxija tal-COVID19 bħal kif kienu s-sentejn ta’ qabel. 

Ekonomija

Sport