Saturday, December 21, 2024

Lejn għaqda sħiħa fil-pajjiż u fil-partit

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li ġej, 11 ta’ Jannar 2020, il-membri tesserati tal-Partit Laburista se jkunu qegħdin jagħżlu Mexxej ġdid għall-Partit Laburista u konsegwenzjalment Prim Ministru ġdid għall-pajjiż. Dan se jsir wara r-riżenja tal-Mexxej Laburista u Prim Ministru attwali Joseph Muscat.

Ħassejtni fid-dover li nwieġeb għas-sejħa tal-partit u eventwalment tal-pajjiż li nitfa’ l-kandidatura tiegħi għal din il-kariga. Dover li nħoss li hu akbar minn dak normali partikolarment minħabba ċ-ċirkostanzi li wasslu għalih. Ċirkostanzi li jirriflettu bżonn kardinali: għaqda sħiħa kemm fuq bażi ta’ nazzjon kif ukoll fuq bażi ta’ partit.

Inħoss illi kieku ma kkontestajtx kont inkun qed nonqos lill-Partit Laburista li fih ili nimmilita għal aktar minn 40 sena u lill-pajjiż li nemmen bil-kbir li fit-tmexxija tiegħu għandu bżonn persuna b’esperjenza, dixxiplinat u lest li jieħu d-deċiżjonijiet fl-interess kemm tal-partit u aktar u aktar tal-pajjiż bla ħarsien lejn l-uċuħ, ikunu ta’ min ikunu.

L-esperjenza ma tkunx riflessa biss fl-età imma f’ħidmitek u kemm tkun mifruxa ħidmitek. Fil-mod kif tali ħidma tkun tnisslet, tkabbret u intużat sa mill-għeruq tagħha kemm fuq bażi ta’ partit kif ukoll fuq bażi ta’ pajjiż, ta’ poplu. Ħarsa lura lejn dawn l-aħħar 40 sena ta’ ħajti turini għaddej minn dak kollu li toffri l-ħajja fuq iż-żewġ binarji, il-binarju ta’ partit u dak ta’ pajjiż. Dak ta’ partit mil-livelli taż-żgħażagħ b’pass wara pass biex illum nokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u allura Deputat Prim Ministru. Kont magħkom mill-bidunett ta’ vjaġġ glorjuż mibdi minn Joseph Muscat li b’sodisfazzjon ngħid li għamilt endorsement lil Joseph fis-sena 2008 meta nħatar Mexxej.

Fuq livell ta’ pajjiż dħalt b’ruħi u ġismi fil-qasam tas-saħħa, fejn b’umiltà ngħid li b’ħidma kollettiva wassalna lil pajjiżna minn waħda xejn feliċi għal dik tal-lum, mal-aqwa għaxar pajjiżi tad-dinja fejn jirrigwarda saħħa.

L-esperjenza taż-żewġ binarji kattritli l-għarfien tal-bżonn ta’ għaqda kontinwa kif riflessa mis-suċċessi li ksibna fuq iż-żewġ fronti. L-esperjenza wrietna wkoll l-oppost, li meta bħala partit ma konniex magħqudin spiċċajna minn partit rebbieħ għal partit tellief. Hekk ukoll bħala pajjiż. Għixt iż-żewġ esperjenzi u għalhekk nibqa’ ninsisti u nagħmel ħilti kollha biex ikollna l-għaqda, aktar u aktar fiċ-ċirkostanzi riċenti li għaddejna bħala partit u bħala pajjiż.

Huwa dmir kull wieħed u waħda minna li nikkontribwixxu għal dan il-għan bil-modi disponibbli għal kull wieħed u waħda minna. Wara nhar is-Sibt li ġej tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-membri tesserati tal-Partit Laburista l-aġenda għandha tkun waħda, dik li nkomplu inżommu l-għaqda bejnietna bħala partit u b’sens ta’ dover lejn pajjiżna naraw li flimkien, ġejjin mnejn ġejjin, nimbarkaw fuq ħidma għalenija biex jitrażżan is-sens ta’ firda fost il-poplu għax huwa bl-għaqda li nistgħu niggarantixxu li pajjiżna jkompli fuq ir-rotta tajba li mexjin fuqha, li jkompli jitkattar il-ġid b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Għal dan il-għan se nkun qed inkompli ħidmieti fuq bażi ta’ partit u fuq bażi ta’ pajjiż.

Ekonomija

Sport